Saturday, July 13, 2024

Euro 2024: It-Turkija jirbħu partita spettakolari

Aqra wkoll

Turkija ………….3

Georgia ……….1

Fl-isbaħ logħba s’issa ta’ dan it-tournament, it-Turkija għelbu lil Georgia bl-iskor ta’ 3-1.

Kienu t-Turkija li ħarġu l-aħjar u kkontrollaw il-logħba sal-ewwel nofs siegħa iżda mbagħad Georgia daħlu fil-partita biex baqgħet inċerta sal-aħħar.

Fil-11-il minuta, it-Torok resqu viċin li jiftħu l-iskor meta Kaan Ayhan ingħata wisq spazju u minn 25 metru fajjar kanunata li ħalliet lill-goalkeeper, Giorgi Mamardashvili, iħares iżda l-ballun ħabat mal-wieqfa.

Madankollu, fil-25 minuta, huma marru fil-vantaġġ bi ġmiel ta’ first-timer ta’ Mert Muldur minn tarf il-kaxxa wara clearance qasira.

Żewġ minuti wara, it-Torok ħasbu li rduppjaw iżda l-goal ta’ Kenan Yildiz ġie mħassar minħabba pożizzjoni ta’ offside.

U kontra x-xejra tal-logħob, fit-32 minuta, Georgia kisbu d-draw meta Giorgi Kochorashvili daħal fil-kaxxa u għadda lejn Georges Mikautadze li minn pożizzjoni angolata kien pront u xeħet il-ballun fix-xibka. Tliet minuti wara,  l-istess Mikautadze għamel l-impossibbli meta minn mill-viċin xeħet barra.   

Fis-56 minuta, Mamardashvili kien providenzjali għal Georgia meta laqa’ l-free-kick qawwi ta’ Hakan Calhanoglu.  U għaxar minuti wara assistejna għall-isbaħ goal tat-tournament meta ARDA GULER ingħata l-ballun fi tliet kwarti ta’ ground, ikkontrolla u ‘spara missila’ li spiċċat fir-rokna tas-saqaf tax-xibka.

Ir-reazzjoni ta’ Georgia kienet waħda mmedjata u fit-72 minuta, kienu sfortunati meta Giorgi Kochorashvili ġie mċaħħad mill-mimduda.

Fis-86 minuta, Mamardashvili ċaħħad lit-Torok li jiskorjaw it-tielet goal meta laqa’ d-daqqa ta’ ras ta’ Yusuf Yazici.

U fil-ħin miżjud, Georgia kienu sfortunati meta Kochorashvili xeħet barra minn taħt il-lasti filwaqt li Budu Zivzivadze laqat il-wieqfa.

Mandakollu, kienu t-Torok li skorjaw it-tielet goal meta fis-96 minuta, Muhammed Akturkoglu ħarab waħdu u xeħet f’lasti vojta wara li l-goalkeeper Ġorġjan tela’ jattakka fit-tentattiv li jsalvaw ir-riżultat. 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport