Thursday, April 25, 2024

“Għaliex ħadd mid-Dipartiment tas-Saħħa u l-Kurja mhu jweġibna?” – Sorsi qrib l-Għaqda Każini tal-Baned

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Ilna għal dawn l-aħħar xhur nibagħtu messaġġi bil-miktub lid-Dipartiment tas-Saħħa u anke lill-Kurja. Ħadd minnhom ma jirrispondina. Għaliex qed inkunu trattati hekk. Dawn il-messaġġi jintbagħtu bħala għaqda Każini tal-Baned. Nemmnu li xi tip ta’ risposta għandu jkollna. Ix-xewqa tagħna hi li niltaqgħu biex niddiskutu l-festi u attivitajiet marbutin magħhom għas-sena d-dieħla. Għaliex qed tibqgħu tinjorawna?. Ħaqqhom jiġu trattati hekk id-dilettanti u dawk li jaħdmu ‘senza interessi’ fil-każini? Ix-xewqa tagħna hi niddiskutu biex dak li nbena tul għadd ta’ snin ma jitkissirx”.

Dan sostnewh sorsi qrib l-Għaqda Każini tal-Baned, meta kuntattjati minn talk.mt. Fi kliemhom stess, fil-pajjiż hawn sitwazzjoni fejn f’żoni tad-divertiment bħal Paceville qed ikun hemm miġburin għadd kbir ta’ persuni, imma imbagħad il-festi qed jibqgħu milqutin minn direttivi restrittivi għall-aħħar li prattikament ifissru li l-festi ma jistgħux isiru. L-istess sors spjegalna li “fl-aħħar sigħat rajna l-Fun Run. M’għandna xejn kontriha. Imma la n-nies jistgħu jinġemgħu fil-Fun Run, allura għaliex fil-festi ma jistgħux?”.

L-istess sors qalilna li “xbajna nistennew lill-awtoritajiet. Nemmnu li għandna dritt għal tweġiba mill-awtoritajiet u biex niltaqgħu u niddiskutu”.

Qed inħarsu lejn ‘San Pawl tal-Belt” u l-Ġimgħa l-Kbira

Kollox jindika li l-Għaqda Każini tal-Baned qed tħares lejn il-festa ta’ San Pawl tal-Belt u l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira. Biss minkejja t-tentattivi li għamlet għal laqgħat, dawn baqgħu ma ġewx imweġbin u għalhekk m’hemmx ħjiel ċar ta’ x’se jiġri.

Intant, dilettanti tal-purċissjonjiet tal-Ġimgħa l-Kbira meta kuntattjati minn dan is-sit qalulna li “jidher li hemm tama li l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira jsiru imma jidher li dawn aktar se jsiru mingħajr personaġġi. Qed nisimgħu, imma xejn konfermat li għal din is-sena se jinħarġu l-istatwi biss. Issa din tqajjem il-mistoqsija, għaliex il-personaġġi le, meta nafu li l-personaġġi jkunu imbegħdin?”.

‘Ejja nagħtu l-festa lura’

Intant, id-Deputat Laburista Oliver Sciluna, iddikjara li “fl-aħħar sentejn il-festa tradizzjonali Maltija għaddiet minn sfidi kbar. It-tkissir tal-moħħ tal-volontiera biex iżommu t-tradizzjoni tal-festa ħajja qiegħed iżomm il-kultura tagħna ħajja b’ħafna sfidi li qed joħolqu pressjoni fuq l-għaqdiet. Naħseb li wasal iż-żmien biex ikun hemm pjan ċar ta’ kif il-festi se jimxu lura għan-normal mis-sena d-dieħla. Għandna pajjiż fejn it-tilqim miexi tajjeb ħafna, u kif ukoll jidher li l-provi tal-attivitajiet tal-massa ħadmu. Ejja nagħtu l-festa lura ħalli dak li huwa parti mill-identità kulturali tagħna ma nitilfuhiex.”

Sport