Wednesday, April 24, 2024

Sfida li tista’ twassal biex ma jkunx hawn aktar ġuħ fid-dinja

Il-Ġnus Magħquda tilqa’ l-isfida ta’ Elon Musk u tippreżentalu l-pjan mitlub għal donazzjoni ta’ $6 biljuni

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Minn sfida li forsi għamilha mingħajr ma stenna li se tintlaqa’, issa l-aktar raġel sinjur fid-dinja għandu mnejn ikollu jżomm kellmtu u joħroġ parti mill-ġid kbir li għandu bħala donazzjoni biex tkun indirizzata l-problema ta’ ġuħ fid-dinja.

Riċentement Elon Musk sfida lill-Ġnus Magħquda (UN) biex turih bil-fatti kif $6 biljuni minn butu jistgħu verament isibu tarf biex ma jkunx hemm aktar persuni jmutu bil-ġuħ. Il-UN ma damitx biex laqgħet din l-istedina tant li ftit jiem wara ppreżentatlu pjan ta’ azzjoni fir-rigward.

“Is-sitwazzjoni tal-ġuħ fid-dinja hija gravi u urġenti imma hija wkoll xi ħaġa li tista’ tkun evitata” David Beasley, World Food Programm tal-UN 

Id-dinja tipproduċi biżżejjed ikel biex jiekol kulħadd. Minkejja dan, 16.6% tal-popolazzjoni dinjija m’għandhiex ikel biżżejjed. Huwa stmat li 957 miljun persuna madwar il-globu m’għandhomx biżżejjed ikel biex jikkonsumaw fuq bażi regolari. Minn tmien biljun persuna fuq il-pjaneta, biljun minnhom jgħixu f’faqar estrem. 

Fl-2020, il-konflitti fil-pajjiżi kien il-fattur ewlieni li wassal biex 99.1 miljun persuna minn 23 pajjiżi differenti, isofru l-ġuħ. Barra minnhekk, pjaga li verament hemm bżonn tkun indirizzata b’mod mill-aktar urġenti hija dik li ta’ kull sena, 3.1 miljun tfal imutu b’kawżi relatati ma’ nuqqas ta’ ikel u dieta sana. Kull 10 sekondi, tifel jew tifla, imutu bil-ġuħ.

“Ridt pjan… tajnihulek. Issa ejja ħalli nitkellmu!”

Il-fergħa ta’ assistenza tal-ikel tal-UN, il-World Food Programme (WFP), għamlet pjan iddettaljat ta’ kif tista’, b’fondi ta’ $6.6 biljuni, titma’ lil 42 miljun persuna f’43 pajjiżi differenti għas-sena 2022. Il-Kap tal-WFP, David Beasley, għamel fuq Twitter indirizzata lil Musk u qallu li l-pjan mitlub minnu issa huwa lest u ppropona li jsiru laqgħat ħalli jitkellmu.

“Is-sitwazzjoni tal-ġuħ fid-dinja hija gravi u urġenti imma hija wkoll xi ħaġa li tista’ tkun evitata. @elonmusk tlabtna pjan ċar u ddettaljat. Hawn hu!” Beasley qal li huma lesti li jagħmlu laqgħat kemm miegħu, kif ukoll ma’ kull min huwa verament interessat li jsalva l-ħajjiet.

Ix-xahar li għadda Musk stieden lil WFP biex jgħidulu kif $6 biljuni jistgħu jsolvu l-problema tal-ġuħ fid-dinja. Huwa qal li jekk din l-organizzazzjoni tista’ turi eżattament kif dawn il-flus jintefqu, huwa lest li jbigħ l-ishma ta’ Telsa immedjatament u jagħtihom b’donazzjoni ħalli tkun indirizzata l-problema tal-ġuħ fid-dinja.

L-isfida li għamel Musk kienet reazzjoni għal dak li qal Beasley f’intervista mas-CNN fejn għamel appell lill-biljunari – b’mod speċifikuu lil Musk u lill-fundatur ta’ Amazon, Jeff Bezos – biex flimkien jgħaqdu donazzjoni ta’ $6 biljuni ħalli jsalvaw miljuni ta’ persuni milli jmutu bil-ġuħ.

Il-proposta ta’ WFP bit-titlu “A one-time appeal to billionaires” tinkludi fost oħrajn $3.5 biljun għal provvisti ta’ ikel u tqassim tiegħu u $2 biljuni oħra għal flus kontanti u vawċers tal-ikel.

Fatti:

* Fl-2020 99.1 miljun persuna kienu bil-ġuħ

* Biljun persuna tgħix b’€1.10 kuljum

* 45% tal-imwiet fit-tfal huwa kawża ta’ nuqqas ta’ nutrizzjoni

* 3.1 miljun tfal imutu b’kawżi minħabba nuqqas ta’ ikel

* Iż-żied fil-prezz tal-ikel se jwassal biex ikun hemm 1.5 miljun tfal bil-ġuħ

* Kull 10 sekondi, tifel jew tifla, imutu bil-ġuħ

* 1/8 tal-Ażja u 1/4 tal-Indja m’għandhomx biżżejjed ikel

Sport