Malta FA Futsal Selection U19 kiteb paġna ġdida fl-istorja tal-futsal Malti hekk kif rebaħ it-trofew għall-ewwel darba fl-istorja. Din kienet kisba storika għall-iskwadra żagħżugħa li wriet determinazzjoni, kwalità u mentalità rebbieħa tul il-kompetizzjoni kollha.
Il-finali offriet spettaklu mill-aqwa hekk kif Malta FA Futsal Selection U19 rebħu t-trofew wara partita drammatika. Il-logħba spiċċat 9-9 fi tmiem il-ħin regolamentari, qabel iż-żewġ timijiet reġgħu skorjaw darba oħra fil-ħin barrani sabiex il-partita ntemmet 10-10. Fil-penalties, Malta FA Futsal Selection U19 kienu perfetti u rebħu 5-3 sabiex ikkonfermaw ir-rebħa storika għat-tim żagħżugħ. Minkejja r-riżultat, iż-Żejtun jistgħu jżommu rashom ’il fuq hekk kif offrew oppożizzjoni fantastika u ġġieldu sal-aħħar minuta. Kienet partita intensiva u kompetittiva li rat liż-żewġ timijiet jagħtu kollox fuq il-court quddiem atmosfera mill-aqwa.
Il-plejers Maltin wrew dixxiplina tattika u maturità kbira minkejja l-età żgħira tagħhom, filwaqt li l-istaff tekniku għandu jingħata mertu kbir għax-xogħol li sar sabiex dan is-suċċess storiku seta’ jintlaħaq.
Dan it-trijonf issa jagħti aktar motivazzjoni lil dawn iż-żgħażagħ hekk kif il-Malta FA U19 se jkunu wkoll qed jikkompetu fil-finali tal-KO fi ftit jiem oħra, opportunità oħra sabiex dan il-grupp ikompli jikkonferma l-potenzjal u l-kwalità tiegħu.
Ir-rebħa storika tal-Malta FA Futsal Selection U19 tibqa’ mument memorabbli għall-isport Malti u sinjal ċar tal-progress li qed isir fil-futsal lokali.

