Friday, April 26, 2024

361 immigrant irregolari rritornati lura pajjiżhom fl-ewwel 10 xhur tas-sena

Aqra wkoll

In-numru ta’ immigranti irregolari li ġew irritornati lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom bejn Jannar u Ottubru 2021 jammonta għal 361, inkluż 36 persuna oħra minn pajjiżi terzi li ġew irritornati lejn pajjiżhom wara li aċċettaw li jirritornaw volontarjament. 

Kien il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camileri li ta dan it-tagħrif fil-Parlament meta kienet qed iwieġeb mistoqsija parlamentari li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Joseph Ellis. 

Il-Ministru Camilleri spjega li l-ispiża relatata mal-vjaġġi ta’ ripatrijazzjoni sfurzata tammonta għal kważi €360,000 li tinkludi ko-finanzjarjament mill-Unjoni Ewropea ta’ 75% tal-ispiża totali. 

Huwa qal ukoll li kien hemm istanzi fejn l-Unjoni Ewropea provdiet ukoll għajnuna lill-awtoritajiet Maltin permezz tal-liaison officers tagħha preżenti fil-pajjiż tal-oriġinu, partikolarment f’dawk il-pajjiżi fejn Malta ma għandhiex rappreżentanza diplomatika.

Il-Ministru Camilleri ta wkoll tagħrif dwar in-numru ta’ immigranti irregolari u applikati għall-ażil li ġew rilokati fi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea mill-2010 lil hawn. Dawn huma maqsuma kif ġej: 221 fl-2010, 164 fl-2011, 105 fl-2012, 16 fl-2013, bejn l-2014 u l-2017 ma kienx hemm rilokazzjonijiet, 423 fl-2018, 619 fl-2019, 273 fl-2020 u 234 sat-18 ta’ Novembru ta’ din is-sena. 

Matul dan il-perjodu sal-lum, l-Unjoni Ewropea ffinanzjat tliet proġetti relatati mar-rilokazzjoni tal-immigranti minn Malta. Dawn huma l-proġett pilota għar-ri-allokazzjoni intra-UE minn Malta (EUREMA), il-proġett pilota għar-rilokazzjoni intra-UE minn Malta (EUREMA II) u rilokazzjoni volontarja minn Malta għal Stati Membri u Assoċjati tal-UE (REMA) li għadu mhux konkluż.

Sport