Monday, May 13, 2024

“Għalina Malta l-ewwel dejjem u ffukati li nibqgħu nwettqu l-pjan li tridu intom għal pajjiżna”

- Il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

“Għalina Malta l-ewwel dejjem u ffukati li nibqgħu nwettqu l-pjan li tridu intom għal pajjiżna.” Dan kien messaġġ ewlieni li għadda l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’attività politika sabiħa f’Ħaż-Żabbar bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’.

Il-PM beda d-diskors tiegħu, billi tkellem fuq l-għaqda mhux biss bħala partit iżda anki fuq livell ta’ pajjiż. Sostna li Malta tibqa’ b’saħħitha meta l-poplu jkun magħqud u meta kulħadd jaħdem ma’ kulħadd b’iimħabba leali lejn il-pajjiż.

Dwar il-kampanja Laburista, ‘Is-Saħħa lill-Maltin’, Abela qal li din tfisser li bħala pajjiż irridu nkomplu nibnu fuq il-kisbiet li diġa sar u sabiex isir iktar. Sostna li l-poplu jrid jagħti dik is-saħħa bil-fiduċja, sabiex b’hekk ikun jista’ jwettaq iżjed kemm fuq livell lokali u anki Ewropew. Abela semma wkoll kif fl-ewwel mandat li ngħatalu, il-poplu ta fiduċja f’elf proposta biex jitwettqu elf kisba li qed jiġu implimentati kollha.

F’Ħaż-Żabbar il-Prim Ministru rrimarka li n-Nofsinhar tal-pajjiż jaf min hu l-establishment fil-pajjiż għaliex daq id-deċiżjonijiet li ħa fil-passat l-istess establishment, bħad-deċiżjoni li jintuża l-aktar żejt li jniġġes, il-heavy fuel oil, li fena n-naħa t’isfel tal-pajjiż bit-trab iswed. L-establishment għamel ukoll impjanti ta’ riċiklaġġ li jerħu l-irwejjaħ f’dawk in-naħat, litteralment proġetti li ma ried ħadd.

Il-Prim Ministru saħaq li l-għaqda bħala pajjiż wieħed tibqa’ kruċjal u li għalhekk l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju mhumiex tal-partiti iżda li dawn se jkunu qegħdin jiddeterminaw x’Malta se jkollna. Hawn semma sfidi li affaċċja pajjiżna iżda dan il-Gvern qatt ma qata’ qalbu u anki meta kien hemm attakki kontra pajjiżna, iġġieled favur l-interess ta’ Malta. Dr Abela fakkar kif lejliet deċiżjoni dwar il-greylist mill-FATF, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, kien bagħat ittra mimlija ħsara kontra pajjiżna iżda għax bħala pajjiż konna magħqudin, rebħet Malta.

Il-Prim Ministru semma wkoll l-aħħar laqgħa tal-Kabinett li saret man-nies, bit-tema tal-ekonomija, fejn investituri tkellmu dwar l-istabbiltà li jsibu f’pajjiżna u dwar kif bit-tkabbir li qed jaraw, se jimpjegaw aktar nies. Il-Prim Ministru qal li elezzjoni jew mhux, il-familji għandhom jistennew aħbarijiet b’saħħithom fil-qasam soċjali u f’appoġġ akbar lill-familji. Hawn semma ċ-ċekk lill-ħaddiema li rċievew kull sena.

F’din l-inizjattiva biss, fuq medda ta’ seba’ snin, il-familji rċievew €130 miljun għall-bżulija tagħhom. Dr Abela semma wkoll aktar għajnuna permezz tal-mekkaniżmu addizzjonali għall-għoli tal-ħajja u l-miżura li ħa tibda minn din is-sena, dik ta’ għotja ta’ €1,500 għall-ġenituri li wliedhom baqgħu jistudjaw wara l-edukazzjoni obbligatorja.

Qal li d-differenza hi ċara bejn Partit Laburista fil-Gvern li jżomm kelmtu mal-wegħdiet li jagħmel u Oppożizzjoni li fi żmien li kellha l-poter kienet biss tibgħat il-kontijiet għax hi l-partit tal-awsterità.

Fid-diiskors tiegħu, il-PM semma wkoll proġetti importanti li twettqu minn Gvern Laburista, fosthom dak ta’ San Klement fejn irridu nkomplu nestendu dan il-park li jgawduh il-familji. Irreferea wkoll għall-proġett riċenti, dak li sar f’Ta’ Qali fiż-Żona għall-Kunċert fil-Park Nazzjonali ta’ Malta, fejn il-familji għandhom post ieħor sabiħ li jgawduh mal-għeżeż tagħhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport