Saturday, December 21, 2024

“Għalissa mhux lok li niċċelebraw … Il-pandemija għadha ma għaddietx” – Il-PM Robert Abela

Aqra wkoll

Waqt li esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-mod kif il-pajjiż qed jiffaċċja l-Covid19, il-Prim Ministru Robert Abela wissa li l-pandemija għadha m’għadditx u għalissa m’hemmx lok li niċċelebraw.

Waqt li kien qed jiġi intervista fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista, Abela beda biex esprima l-kondoljanzi lill-qraba tal-erba’ persuni li tilfu ħajjithom f’pajjiżna minħabba l-virus.

Huwa rrimarka li fil-ġlieda kontra din l-imxija kellna suċċess li jagħmlek kburi għall-mod kif imxejna f’dawn iċ-ċirkostanzi u nsista li dan ma sarx b’kumbinazzjoni imma għax il-pajjiż kien preparat fuq livell mediku u ra x’kien qed jiġri f’pajjiżi oħra. 

Abela irrimarka kif f’pajjiżna rnexxielan nsibu bilanċ fil-miżuri li tniedu b’mod gradwali u b’mod prudenti u saħaq li dan juri kemm l-awtoritajiet kienu attenti biex waqt li jikkontrollaw l-imxija mill-aspett mediku ħallew ukoll lin-nies jgħixu kemm jista’ jkun il-ħajja normali tagħhom.

“Ma sakkarniex lil kulħadd fid-dar u għalaqna l-postijiet tax-xogħol kollha imma għalaqna numru ta’ stabbilimenti li kienu meħtieġa li jingħalqu u ħadna ħsieb lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà”.

Il-Prim Ministru irrikonoxxa li n-nies kienu responsabbli u rrispondew b’mod tajjeb u ma naqasx li jirringrazzja lill-ħaddiema kollha li qed jagħtu sehemhom f’din il-pandemija għal dan l-isforz kollettiv ta’ pajjiż.

Fl-istess waqt wissa li dan ma jfissirx li l-pandemija għaddiet jew li nistgħu noħorġu niċċelebraw u wissa li jekk jiġri hekk inkunu qed nagħmlu ħsara lill-isforzi li qed isiru bħalissa. 

“Jien se nkejjel is-suċċess ta’ pajjiżna fuq livell mediku, fuq livell ekonomiku u fuq kemm jirnexxielna mmorru lura għan-normalità mill-aktar fis. Jista’ jkun li n-normalità ġdida tkun kemmxejn differenti però qed noqorbu lejn dak il-mument fejn nibdew innaqqsu r-restrizzjonijiet”.

Abela irrimarka li la trid tneħħihom kmieni u lanqas tard waqt li spjega kfi is-suċċess ikun meta n-nies jibdew jgħixu ħajja trankwilla u serena u jgawdu s-sajf bi prijoritajiet u realtajiet ġodda.

“Il-ħajja dan is-sajf se tkun tfisser realtà differenti. Ma tfissirx li tmur party f’massa ta’ nies għax f’dan il-mument żgur mhux se tkun xi ħaġa aċċettabbli. Dan kollu fl-aħħar mill-aħħar jibqa’ dipendenti fuq kemm ikunu responsabbli n-nies u kemm josservaw il-miżuri restrittivi. Se jkun iktar importanti li wieħed ikun dixxiplinat”. 

Huwa wissa li jekk nillaxkaw mid-dixxiplina ikun ifisser li l-proċess tar-restrizzjonijiet jieħu aktar fit-tul imma jekk inkunu dixxiplinati nirritornaw għan-normalità aktar malajr.

Il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija

Abela tkellem ukoll dwar il-bidla fil-proċess tal-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija fejn qal li din turi l-messaġġ b’saħħtu tal-Gvern favur governanza tajba.

Huwa sostna li l-governanza tajba għandha tkun il-bażi ta’ tmexxija tajba u semma kif dan il-proċess ġdid jimxi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja waqt li huwa proċess innovattiv li se jitħaddem għall-ewwel darba f’pajjiż u li se jgħaddi mill-għarbiel parlamentari.

Abela spjega kif b’differenza għall-passat, fejn il-Kummissarju tal-Pulizija dejjem inħatar mill-eżekuttiv tal-pajjiż, din id-darba se jinħatar fi proċess li beda din il-ġimgħa b’sejħa pubblika.

Wara jibda proċess quddiem il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku b’żewġ membri tal-Gvern, żewġ membri tal-Oppożizzjoni u ċermen li jgawdi l-fiduċja taż-żewġ naħat.

Id-deċiżjoni finali se tkun tal-Parlament bil-membri parlamentari mhux biss se jieħdu vot imma jagħmlu wkoll numru ta’ domandi relevanti mal-qadi tad-dmirijiet relatati ma’ din il-kariga.

Hawnhekk il-Prim Ministru appella lill-Oppożizzjoni biex bħalma waslet fi qbil mal-Gvern dwar il-ħatra tal-Prim Imħallef taqbel ukoll mal-proċess il-ġdid tal-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija.

“Jiena nittama li f’dan il-proċess jiġri l-istess fejn il-Parlament għandu opportunità storika li jkun hu li jagħti s-siġill finali. Ix-xewqa tiegħi hija li jkollna persuna verament denja li tokkupa kariga tant importanti li tissimbolizza s-saltna tad-dritt u l-infurzar tal-liġi”.

Abela qal li mhux biżżejjed li jkollna qafas ta’ liġijiet b’saħħtu imma l-infurzar tajjeb ta’ dawk il-liġijiet u semma kif huwa ntużjast għal dan il-proċess li r-riżultat finali tiegħu se juri li aħna pajjiż li jemmen u huwa konvint b’saltna tad-dritt tajba u robusta li tmexxina ’l quddiem għal bidliet importanti oħra li jikkumplimentaw it-tisħiħ ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna.

Il-każ tas-suldati investigati dwar l-immigrazzjoni

Il-Prim Ministru kien mistoqsi wkoll dwar il-każ tas-suldati li qed jiġu investigat f’inkjesta maġisterjali b’rabta mal-għidut dwar il-mod kif imxiet il-Forzi Armati ta’ Malta ma’ numru ta’ immigranti.

Waqt li irrimarka li flok ngħidulhom grazzi qed inpoġġuhom f’sitwazzjoni fejn jistgħu jeħlu għomorhom il-ħabs, Abela esprima d-dispjaċir tiegħu għall-mossa li saret mill-Kelliem Ewlieni għall-Ġstizzja tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi fil-konfront tiegħu, tal-Brigadier Jeffrey Curmi u tas-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta. 

Huwa qal li din il-mossa ġiet appoġġjata mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia meta dan kellu opportunità li jiddistakka ruħu minnha iżda minflok għamel tiegħu l-mod kif mexa Azzopardi.

“Ma rajna ebda kundanna mill-Oppożizzjoni għal dak li sar. Ma smajthiex tgħid li l-proċeduri kontrija, kontra l-Brigadier jew kontra s-suldati għandhom jieqfu. Kburi b’li għamilna fl-operazzjoni ta’ salvataġġ meta konna f’ċirkostanza unika fejn ridna nipproteġu s-saħħa tal-Maltin u nikkordinaw is-salvataġġ ta’ diversi dgħajjes ta’ immigranti li kien hemm lil hinn minn xtutna”. 

Abela sostna li huwa verament inġust li saret din il-manuvra f’mument fejn suppost kulħadd qed jiġbed ħabel wieħed waqt li akkuża lill-Oppożizzjoni li kienet kompliċi f’manuvra bla preċedent fejn saret allegazzjoni ta’ qtil volontarju li twassal għal ġuri li jista’ jwassal għal għomor il-ħabs. 

“Qatt ma ġrat f’pajjiżna, aktar u aktar f’mument meta suppost qegħdin flimkien niġbdu ħabel wieħed biex noħorġu mill-pandemija. Minflok ħarset l-interess nazzjonali, l-Oppożizzjoni hija kompliċi f’xi ħaġa li qed tisfoka l-ħidma tal-Forzi Armati ta’ Malta”. 

Abela ddeskriva din il-mossa bħala azzjoni kompletament inġusta f’mument meta l-Forzi Armati qed taħdem għall-ġid ta’ pajjiżna tant li salvat aktar minn 13,000 ħajja f’maltempati u f’ċirkostanzi mijiet ta’ mili ’l bogħod minn pajjiżna. 

Il-Prim Ministru kompla jispjega li hija kompletament inaċċettabbli li xi ħadd imur jikteb lill-Kummissarju tal-Pulizija u jagħmel denunzja ta’ qtil volontarju mingħajr fatti f’idu. 

Fl-istess waqt qal li issa li l-inkjesta maġisterjali bdiet hu issottometta lilu nnifsu għand il-Pulizija biex isiru l-investigazzjonijiet neċessarji u l-istess se jagħmel quddiem il-Maġistrat inkwerenti meta jsejjaħlu biex jixhed.

“Nappella għar-responsabilità. Il-mument fejn ngħaddu l-battuti politiċi jiġi. Żgur mhux dan il-mument. Dawn affarijiet li f’pajjiżna qatt ma rajnihom u nittama li min jippriedka fuq is-saltna tad-dritt jemmen fiha u jgħixha. Il-kuxjenza hija safja u nadifa li għamilna dak kollu li stajna”. 

Il-Prim Ministru fakkar kif anke l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem qablet mal-mod kif mexa l-Gvern fiċ-ċirkostanzi waqt li saħaq li l-prijorità f’dan il-mument tibqa’ li tiġi mħarsa s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Programm ta’ Ċttadinanza b’Investiment

Abela ġie mistoqsi wkoll dwar il-Programm ta’ Ċttadinanza b’Investiment, fejn irrimarka li li kieku ma kinux għall-fondi minn dan il-programm il-Gvern ma kienx ikun f’pożizzjoni li jniedi miżuri daqstant b’saħħithom li salvaw 80,000 impjieg waqt li ngħataw benefiċċji lil 110,000 ħaddiem.

“Bdejna d-djalogu mal-Kummissjoni Ewropea (KE) biex dan il-programm niddefenduh bis-saħħa u nsalvawh. Mhux se naċċettaw li dan il-programm jieqaf imma li jsir il-proċess meħtieġ tal-emendi biex inkomplu ntejbuh”. 

Huwa irrimarka li l-ħsara li saret lil pajjiżna dwar dan il-programm ilha għaddejja u fakkar fil-ħsara li saret minn min suppost kien qiegħed jipproteġi isem pajjiżna barra minn xtutna imma ħass li kellu jtappan isem pajjiżna. 

“L-ironija hi li l-istess kritiċi li għamlu din il-ħsara internazzjonalment, f’Malta kienu jaħdmu f’dan il-programm. Persuni li dakinhar kellhom karigi fil-PN. Jien kont dejjem konsistenti fil-pożizzjoni … li dan il-programm irridu niddefenduh. Id-djalogu mal-KE huwa wieħed kostruttiv u nemmen li se naslu għal ftehim aċċettabbli għaż-żewġ naħat”.

Il-kostruzzjoni u l-pompi tal-petrol

Robert Abela tkellem ukoll dwar il-bilanċ li hemm bżonn bejn is-settur tal-kostruzzjoni u l-ambjent fejn semma l-bidla fil-prinċipju dwar il-proġett tal-immaniġjar tal-iskart biex fil-futur ma niġux f’sitwazzjoni fejn ikollna bżonn aktar art verġni għax ma jkollniex l-ispazju meħtieġ. 

Huwa semma wkoll il-politika tal-pompi tal-fjuwil fejn din il-ġimgħa tħabbru 10 bidliet sostanzjali u relevanti li huma bżonnjużi biex jinħoloq bilanċ bejn l-iżvilupp, l-ambjent u proġetti oħra li jridu jsiru fil-futur.

“Dan il-bilanċ jista’ jintlaħaq jekk verament temmen fih u l-Gvern qed juri dan għaliex f’ġimagħtejn għamilna l-politika dwar l-immaniġjar tal-iskart u l-bidla dwar il-politika tal-pompi tal-fjuwil. Fadal x’nagħmlu u se nibqgħu għaddejjin b’din il-ħidma”, żied jgħid il-Prim Ministru fl-intervista.

Ekonomija

Sport