Wednesday, April 24, 2024

“Għalkemm għadni ma nistax nemmen Pa, dan hu l-mod kif nixtieq nibqa’ niftakrek”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Għalkemm għadni ma nistax nemmen Pa, dan hu l-mod kif nixtieq nibqa’ niftakrek”. Iddikjara dan Ismael Dalli, iben is-sajjied li aktar kmieni ġie ċċertifikat mejjet wara li ttella’ mill-baħar.

Il-vittma, Mario Dalli huwa iben Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista f’Ħal Tarxien u se jibqa’ mfakkar għall-imħabba tiegħu fuq il-baħar.

L-anzjan ta’ 72 sena jidher li miet f’inċident sfortunat waqt li kien qiegħed jistad fl-inħawi ta’ Għar Ħasan f’Birżebbuġa.

Il-Pulizija rċeviet rapport ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tal-11:00 p.m li r-raġel ma kienx irritorna d-dar wara li fis-sigħat ta’ qabel mar jistad.

Mal-wasla tagħhom fil-post indikat skont ir-rapport, il-Pulizija sabu l-vettura tiegħu, kif ukoll xi oġġetti personali u affarijiet relatati tas-sajd. 

Minnufih bdew tfittxijiet fiż-żona mill-Pulizija u membri tal-Protezzjoni Ċivili minn fuq l-art, waqt li l-Forzi Armati ta’ Malta assistew bi tfittxijiet fil-baħar permezz ta’ patrol boat u mill-ajru permezz ta’ ħelikopter. 

Sfortunatament, għall-ħabta tal-10:00 a.m intlemaħ katavru mill-bugħaddasa tal-Forzi Armati, fejn ġie kkonfermat li kien tar-raġel ta’ 72 sena. Aktar tard il-katavru ddaħħal fil-Bażi Marittima f’Xatt it-Tiben. 

Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-anzjan x’aktarx waqa’ b’mod aċċidentali minn fuq l-irdumijiet waqt li kien qiegħed jistad. 

Bil-każ ġie nfurmat l-Maġistrat tal-Għassa Dr Victor Axiak, li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistu. 

Sport