Sunday, December 22, 2024

‘Għalkemm pajjiżna huwa l-iżgħar Stat Membru fl-UE, huwa għani ħafna fir-riżorsi umani’

- Rodrick Zerafa - Kap Eżekuttiv ta’ Servizzi Ewropej f’Malta (SEM)

Aqra wkoll

Min hu Rodrick Zerafa?

Iggradwajt fl-Istudji Ewropej u l-Komunikazzjoni mill-Università ta’ Malta fl-2016. Fis-snin li għaddew qdejt diversi rwoli ta’ Kap tal-Kommunikazzjoni mal-Gvern ta’ Malta, partikolarment fil-Ministeri tat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u dak tal-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ.

Għandi għal qalbi ħafna l-komunikazzjoni għax nemmen li iktar ma jkun hawn għarfien dwar il-ħidma tal-Gvern, iktar in-nies ikunu jistgħu jużaw is-servizzi offruti u iktar titjieb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini fil-gżejjer tagħna.

Kif qed tħares lejn il-kariga ġdida bħala Kap Eżekuttiv ta’ Servizzi Ewropej?

Meta ftit tal-ġranet ilu ġejt maħtur bħala Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta (SEM), dħalt għal dan l-impenn ġdid b’determinazzjoni li nagħti sehmi, flimkien mat-tim tal-Aġenzija biex inwessgħu l-għarfien dwar il-benefiċċji u l-opportunitajiet marbuta mal-fondi Ewropej.

Dan l-għan nistgħu nilħquh fuq żewġ livelli: billi nikkomunikaw dwar il-ħidma tal-Aġenzija u dwar il-benefiċċji u l-opportunitajiet marbuta mal-Fondi Ewropej lill-pubbliku; u billi nkomplu noffru l-assistenza tagħna għal entitajiet, organizzazzjonijiet u individwi li jkunu jixtiequ japplikaw għal xi proġett finanzjat mill-Fondi Ewropej disponibbli. SEM tassisti entitajiet, organizzazzjonijiet u individwi fil-proċess tal-iżvilupp ta’ proġetti, dak tal-applikazzjoni u wkoll fil-fażi tal-implimentazzjoni, mill-bidu sal-aħħar.

Dan nagħmluh permezz ta’ sessjonijiet ta’ informazzjoni u attivitajiet, kemm pubbliċi u kemm għal setturi speċifiċi, bħall-bdiewa u NGOs. Nagħmluh ukoll bl-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali u tradizzjonali bħat-TV, ir-radju u l-gazzetti.

Nippruvaw nilħqu kull sezzjoni tal-popolazzjoni, minn tfal sa adulti, b’modi differenti, għax il-Fondi Ewropej jolqtu lil kulħadd – familji, negozji, kumpaniji, għaqdiet mhux governattivi, kunsilli lokali u gruppi ta’ żgħażagħ, fost oħrajn.

Naħdmu id f’id mal-entitajiet li jimmaniġġjaw il-fondi differenti biex il-fondi Ewropej jintużaw bl-aħjar mod u għall-aħjar skopijiet, biex fl-aħħar mill-aħħar, ikunu għodda importanti li tagħmel differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies u li jibdlu l-kwalità ta’ ħajja tagħna għall-aħjar.

Nemmen li għandna nkomplu naħdmu u nenfasizzaw biex nikkomunikaw u nwasslu l-messaġġ sabiex nqarrbu l-Fondi Ewropej aktar qrib iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

X’sehem għandha Malta fl-Unjoni Ewropea?

Fl-1 ta’ Mejju fakkarna l-20 sena mis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea. Meta nħarsu lura nistgħu naraw kif, kollox ma’ kollox, din is-sħubija ssarrfet f’ħafna benefiċċji, kemm fi drittijiet u opportunitajiet għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin u kemm f’miljuni ta’ fondi li kellhom sehem qawwi biex bidlu s-soċjetà, l-infrastruttura u l-ekonomija ta’ pajjiżna.

L-obbligi u r-responsabbiltajiet li dħalna għalihom bis-sħubija m’għandhomx jaqtgħulna qalbna, imma għandna narawhom bħala sfidi li meta niffaċċjawhom u negħlbuhom inkunu mxejna pass ieħor ‘il quddiem bħala nazzjon u bħala poplu.

Għalkemm pajjiżna huwa l-iżgħar Stat Membru fl-Unjoni Ewropea, u limitat fir-riżorsi materjali, huwa għani ħafna fir-riżorsi umani u l-ħiliet ta’ nies dedikati u kapaċi li jpoġġuna fil-livell, jekk mhux aħjar, minn pajjiżi u persuni oħra fl-Istati Membri. Fl-Unjoni Ewropea m’għandhomx jillimitawna l-oriġini tagħna imma għandna nisfruttaw dak kollu li ġġib magħha din is-sħubija għall-aħjar tagħna.

Inqis il-Fondi Ewropej bħala ħolqa importanti f’katina ta’ benefiċċji u opportunitajiet li ġew ma’ din is-sħubija fit-tielet l-ikbar blokk ekonomiku fid-dinja. Il-Fondi Ewropej jgħinuna nilħqu diversi miri, kemm bħala pajjiż u kemm bħala Unjoni li fiha l-Istati Membri jimxu ‘l quddiem flimkien b’għanijiet komuni. U għalhekk il-Fondi Ewropej jgħinuna nilħqu miri fl-ambjent u t-tibdil fil-klima, fid-diġitalizzazzjoni, fil-kompetittività u fl-istandards tal-ħajja soċjali u ċivili f’pajjiżna.

Ir-riżultati tal-Fondi Ewropej nistgħu narawhom u nħossuhom kull fejn inħarsu madwarna – proġetti infrastrutturali kbar; ir-restawr tal-patrimonju storiku u kulturali; is-saħħa, l-edukazzjoni u t-trasport; korsijiet ta’ taħriġ f’ħiliet ġodda u fit-titjib ta’ dawk eżistenti, fl-għalliema, l-istudenti, il-ħaddiema u l-professjonisti; investimenti li saru f’kull qasam tal-ekonomija, fit-tagħmir għan-negozji, il-bdiewa u s-sajjieda; fl-eluf ta’ proġetti li twettqu minn organizzazzjonijiet volontarji u kunsilli lokali li ġabu ‘l quddiem il-ħajja tal-komunitajiet f’kull lokalità f’Malta u Għawdex.

X’jista’ jagħmel biex wieħed jikkuntattjakom?

Hemm diversi modi kif wieħed jista’ jikkuntattjana, skont kif dak li jkun jippreferi. Wieħed jista’ jċempel direttament bin-numru 2779 7300 jew jikkuntattjana bl-email [email protected].

Fis-sit elettroniku tal-Aġenzija – www.sem.gov.mt – u fis-sit elettroniku www.fondi.eu, wieħed jista’ jsib il-kuntatti differenti tagħna, jistaqsi mistoqsijiet, jew jirreġistra l-interess tiegħu biex jinżamm aġġornat bl-aħħar żviluppi fil-Fondi Ewropej skont l-interessi li jagħżel. Jista’ wkoll jitlob appuntament għal laqgħa personalizzata, biex flimkien mal-uffiċjali ta’ SEM jesplora l-possibiltajiet ta’ fondi disponibbli u xi proġetti jistgħu japplikaw għalihom.

Barra minn hekk għandna l-paġni tal-mezzi soċjali tagħna li bihom nikkomunikaw ta’ kuljum dwar dak li tkun qed tagħmel SEM u attivitajiet li jkunu ġejjin.

L-uffiċċji tagħna jinsabu f’280, Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta – ftit ‘l isfel mill-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija.

Għaddi messaġġ finali lill-poplu Malti u Għawdxi

L-Aġenzija SEM qiegħda hemm biex tgħin lil kulħadd u s-servizzi tagħna huma bla ħlas. Għalkemm ħafna drabi naħsbu li biex tuża l-Fondi Ewropej huwa proċess diffiċli u kumplikat wisq, għalkemm fih ir-regolamenti tiegħu, ħadd ma għandu jaqta’ qalbu qabel jibda t-triq. Kull proġett, żgħir jew kbir, jibda bl-ewwel pass.

Għalhekk inħeġġeġ lil kull min jixtieq jesplora l-possibiltajiet biex iwettaq xi proġett bil-fondi Ewropej biex jikkuntattjana ħalli din l-għodda li qed joffri l-Gvern tintuża bl-aħjar mod għall-ġid u l-iżvilupp ta’ pajjiżna.

Ekonomija

Sport