Għall-ewwel darba, il-komunità tal-Imsida qed tgawdi minn pjazza ġdida u spazji pubbliċi riġenerati fil-qalba tal-lokalità, hekk kif din il-parti importanti tal-Proġett tal-Imsida Creek infetħet għall-pubbliku kif imwiegħed qabel iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa parrokjali.
Iċ-ċelebrazzjonijiet bdew fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet b’attivitajiet għat-tfal u l-familji kif ukoll bl-armar tal-Ġostra tant għal qalb il-Misidjani u jkomplu skont il-programm mfassal li se jkun qiegħed jinkludi l-finali tal-ġostra tant mistennija.
Il-pjazza l-ġdida, flimkien ma’ partijiet mill-promenade tax-xatt, qed toffri ambjent aktar modern, sigur u aċċessibbli għar-residenti u l-viżitaturi, filwaqt li qed tagħti identità ġdida lil wieħed mill-aktar spazji ċentrali tal-lokalità.
Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Steve Ellul u l-Kunsill Lokali żaru l-post fejn setgħu jaraw mill-qrib kif dawn l-ispazji ġodda bdew jintużaw mill-komunità kif imwiegħed fl-aħħar ġimgħat.
“B’sodisfazzjon ninnota li l-iskadenzi marbuta mat-twettiq tal-pjazza bħala parti mill-proġett hawnhekk fl-Imsida inżammu b’tali mod illi issa l-komunità tal-Imsida tista’ tiċċelebra il-festa liberament u anzi aħjar mis-snin ta’ qabel għaliex issa għandhom pjazza ġdida li fiha jistgħu jużawha għall-iskop mhux biss tal-festa imma wkoll għal skop soċjali u komunitarji tagħhom”, qal il-Ministru Attard.
Filwaqt li dawn iż-żoni issa huma miftuħa għall-pubbliku, ix-xogħlijiet fuq partijiet oħra tal-proġett qed ikomplu għaddejjin, inkluż xogħlijiet konklużivi fuq il-parti ta’ wara tal-pjazza biex tkun tista’ ssir il-purċissjoni tal-vara skont it-tradizzjoni.
Il-Ministru Attard temm jgħid li dan huwa tragward importanti fi proġett li se jkompli jittrasforma din iż-żona b’mod pożittiv għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Steve Ellul qal li l-ftuħ tal-pjazza għall-pubbliku jirrappreżenta pass ieħor importanti lejn it-tlestija tal-viżjoni usa’ għall-Imsida Creek. “Din hija kisba oħra importanti fil-proġett tal-Imsida għaliex issa qegħdin nagħtu spazji miftuħa ġodda li l-Imsida qatt ma kellha. Proprju hawnhekk pjazza ta’ kważi 2200 metru kwadru, pjazza li bejn wieħed u ieħor fiha daqs Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta li ssostitwixxiet dawk li qabel kienu erba’ karreġġjati”, qal is-Sur Ellul.
Il-Gvern u Infrastructure Malta jibqgħu impenjati li jwasslu l-bqija tal-proġett b’mod responsabbli u effiċjenti, sabiex il-komunità tal-Imsida u l-pubbliku inġenerali jkomplu jgawdu minn ambjent modern, aċċessibbli u sostenibbli.
