L-inċident tal-istatwa antika li tkissret waqt ġbid ta’ film fil-Belt
L-inċident tas-Sibt li għadda fil-Belt Valletta meta ntlaqtet statwa li għandha ’l fuq 100 sena waqt li kien qed jinġibed film, liema statwa tifforma parti mill-armar tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu, qanqal reazzjoni minn bosta inkluż mid-dilettanti tal-festi nfushom. Saħansitra kien hemm min qal li biex tarma sar diffiċli ħafna u li din il-problema prattikament qiegħda tinħass f’kull belt jew raħal.
B’rabta ma’ dan l-inċident, dan is-sit ħa r-reazzjoni tal-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali Malcolm Paul Agius Galea li qal li hu stess intervjena biex jara x’ġara fejn anke tkellem mal-produtturi tal-film inkwistjoni u raw li dawn iħallsu tal-ħsarat li saret fuq l-istatwa.
Il-Ministru Agius Galea qal ukoll li tkellem maċ-Ċerpersin tal-Grupp responsabbli mill-armar tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt. “Ridna naraw li jkun hemm ftehim. Irrealizzajna li kien hemm ċertu ammont ta’ ħsara. Dawn urew ix-xewqa li jieħdu l-istatwa għar-restawr f’post fejn xtaqu huma, li huwa wieħed professjonali ħafna.
“Rajna li l-produtturi tal-film iħallsu għall-ħsarat kollha u dak kollu li kien hemm bżonn anke mil-lat ta’ loġistika sabiex l-istatwa tittieħed f’dan il-post u jsir ir-restawr li kien hemm bżonn. Hekk ilħaqna soluzzjoni b’mod amikevoli,” qal il-Ministru Agius Galea.
Min-naħa l-oħra, huwa rrikonoxxa wkoll li dawn huma inċidenti li jistgħu jiġru. “Ġaladarba għandek armar fit-triq, bħal kwalunkwe ħaġa oħra, jista’ jiġrilha xi ħaġa. Wieħed irid japprezzah l-armar. Ħafna mill-armar huwa antik, li qed isir ħafna xogħol ta’ restawr fuqu.
“Ġieli jkun hemm fondi għaddejjin matul is-sena sabiex armar ta’ ċertu portata jiġi restawrat u ġieli anke l-Gvern jintervjeni. Din hi xi ħaġa importanti ħafna, Fl-istess waqt, bħal kwalunkwe ħaġa oħra, dan kulħadd iħoss tiegħu.
“Partikolarment il-fatt li qiegħda fil-Belt fejn għandek ħafna attività għaddejja. Irridu naraw ’il quddiem kif nilħqu pjan biex namalgamaw kollox flimkien mingħajr ma ħaġa taffetwa lil oħra b’mod negattiv. Jekk jista’ jkun waħda tgħin lil oħra biex fl-aħħar mill-aħħar fil-Belt jintlaħaq dak il-bilanċ sabiħ – li nemmen li jista’ jintlaħaq – bejn il-kultura, festi, turiżmu u bejn l-attivitajiet kollha li hemm involuti madwar il-Belt,” temm jgħid il-Ministru Agius Galea.
