Lura fl-2014, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ddikjarat il-15 ta’ Lulju bħala l-Jum Dinji tal-Ħiliet taż-Żgħażagħ. Dan sabiex ikun iċċelebrat l-importanza strateġika li ż-żgħażagħ ikunu mgħammra bil-ħiliet meħtieġa għall-impjieg, xogħol diċenti u l-intraprenditorija.
F’dinja li qiegħda tinbidel b’rata mgħaġġla, inkluż bl-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali, il-ħila li wieħed jaġġorna l-ħiliet tiegħu saru fundamentali biex ikun jista’ jlaħħaq ma’ dawn l-iżviluppi li qed iħallu impatt fil-mod kif naħdmu, nitgħallmu u anke nipparteċipaw fis-soċjetà.
Biex jimirħu aktar u jirnexxu f’dan l-ambjent li kontinwament qiegħed jinbidel, iż-żgħażagħ jeħtieġu aktar milli sempliċiment ħiliet tekniċi. Jeħtieġ li jkun hemm bilanċ fil-kompetenzi li jgħaqqad il-ħiliet tekniċi, diġitali, tal-Intelliġenza Artifiċjali, ekoloġiċi, soċjo-emozzjonali u ċiviċi mal-kwalitajiet umani li t-teknoloġija ma tistax tissostwixxi.
Huwa għalhekk li t-tema magħżula din is-sena – “Ħiliet għal futur komuni” – tinkwadra perfettament f’dan kollu, fejn qiegħda tingħata enfasi partikolari fuq il-tħieġa urġenti għal programmi innovattivi ta żvilupp tal-ħiliet taż-żgħażagħ.
Inizjattivi li jagħtu s-setgħa liż-żgħażagħ biex mhux biss jadattaw imma wkoll imexxu b’empatija, inaqqsu d-distakki kulturali, jibnu r-reżiljenza u jikkontribwixxu b’mod attiv għat-tfassil ta’ futur aktar sostenibbli u inklussiv.
Fuq bażi lokali, ta’ min wieħed isemmi kif seba’ snin ilu, Malta kienet fost l-ewwel pajjiżi fl-Ewropa li nediet strateġija dwar l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali. Iżda l-ħidma ma waqfitx hemm tant li ftit tax-xhur ilu tnediet strateġija aġġornata għall-AI, fejn l-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija se żżid l-investiment f’din it-teknoloġija u b’hekk Malta tkompli tkun fuq quddiem nett f’din it-trasformazzjoni diġitali.
Ma nistgħux ukoll ma nsemmux il-programm AI4ALL li huwa intenzjonat li joffri programm edukattiv li jibda billi jesponi lill-individwi Maltin minn età ta’ 14-il sena u akbar, għall-prinċipji bażiċi u fundamentali tal-użu tal-AI. Dan flimkien mal-ħidma li qed issir mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet biex tavvanza l-iżvilupp u r-rikonoxximent tal-ħiliet.
Għalhekk dan kollu juri kemm it-titjib tal-ħiliet (upskilling), b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, jibqa’ element importanti għad-dinja tax-xogħol mhux biss tal-lum imma wkoll għal dik t’għada. U l-Gvern Malti qiegħed jimxi lejn din id-direzzjoni tant illi qed ikunu offruti skemi ta’ finanzjament, korsijiet ta’ tagħlim tul il-ħajja u anke taħriġ professjonali.




