Minn Cristian Muscat
Floriana jilagħbu t-tieni leg tal-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League kontra Shamrock Rovers tal-Irlanda b’vantaġġ importanti miksub fl-ewwel konfront.
Il-Greens se jidħlu f’Tallaght Stadium, f’Dublin, b’rebħa ta’ 2-0 … riżultat li jagħtihom tama kbira li jkomplu l-avventura Ewropea tagħhom.
Il-konfront deċiżiv se jkun wieħed ta’ sfida kbira għall-iskwadra mmexxija mill-coach Daniel Portela, hekk kif Shamrock Rovers se jkollhom il-vantaġġ li jilagħbu quddiem il-partitarji tagħhom u se jippruvaw jirkupraw id-distakk hekk kif jimmiraw għall-kwalifikazzjoni.
Min-naħa tagħhom, Floriana jafu li għandhom bżonn prestazzjoni matura, organizzazzjoni tattika u konċentrazzjoni massima matul id-90 minuta.
L-ewwel leg, fis-Centenary Stadium, kien wieħed memorabbli għaċ-champions Maltin, li minkejja li kellhom jgħaddu minn perjodi ta’ pressjoni mill-avversarji, irnexxielhom joħorġu b’rebħa meritata.
Shamrock Rovers bdew b’aktar aggressività u determinazzjoni, iżda Floriana baqgħu dixxiplinati u kompatti fejn sabu l-mument tagħhom qabel il-mistrieħ.
Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, Federico Varela ta free-kick ta’ malajr u qassam lejn Robert Muric fuq il-lemin. Il-winger Kroat għadda minn ma’ difensur u b’xutt sabiħ minn tarf il-kaxxa għeleb lill-goalkeeper Edward McGinty biex poġġa lill-Greens fil-vantaġġ.
Is-sitwazzjoni kompliet favur Floriana fit-58 minuta meta Shamrock Rovers spiċċaw jilagħbu bi player inqas wara li Matthew Healy tkeċċa wara li ntwera żewġ karti sofor f’inqas minn minuta. Il-vantaġġ numeriku għen lit-team Malti jikkontrolla aktar il-logħba u fid-79 minuta wasal it-tieni goal.
Muric reġa’ kien involut meta għadda lejn Federico Varela, li t-tentattiv tiegħu ġie salvat parzjalment minn McGinty filwaqt li Mustapha Jah kien pront u sammar il-ballun fix- xibka biex ta lil Floriana vantaġġ doppju qabel it-tieni leg.
Minkejja dan ir-riżultat pożittiv, il-Greens jafu li xejn għadu m’hu ċert. Ir-Rovers għandhom esperjenza kbira fil-kompetizzjonijiet Ewropej u huma wieħed mill-aktar timijiet prestiġjużi fl-Irlanda.
It-team immexxi mill-coach, Stephen Bradley, għandu tradizzjoni twila fil-logħba domestika hekk kif rebaħ 22 darba l-kampjonat u 26 darba t-tazza nazzjonali.
Aħbar mhux daqstant tajba għal Floriana hija li d-difensur ċentrali, Roberto Lopes, magħruf bħala ‘Pico’, se jirritorna fit-team …. wara li ftit tal-ġimgħat ilu kien qed jieħu sehem fit-Tazza tad-Dinja 2026, ma’ Cape Verde. Huwa mistenni li se jingħata merħba kbira mill-partitarji Irlandiżi.
Madankollu, Floriana qed juru ambizzjoni kbira f’dan l-istaġun. Wara li rebħu l-kampjonat Malti, it-team saħħaħ l-iskwadra b’diversi akkwisti fosthom Kauan, Robert Murić, Gaston Romano, Ange Curtis N’Dri u Tomislav Gudelj.
Fl-istess waqt huma żammew il-qalba tat-team li wasslithom għas-suċċess domestiku, fosthom il-captain Dunstan Vella, Carlo Zammit Lonardelli, Myles Beerman, Zack Scerri u Guilherme Cioletti.
Il-premju għal min jikkwalifika minn dan il-konfront ikun post fit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League kontra r-rebbieħ tal-konfront bejn Ararat tal-Armenja u Riga FC tal-Latvja.
Min-naħa l-oħra, it-team eliminat ikompli l-avventura Ewropea tiegħu fil-UEFA Conference League.
Għal Floriana, din hija opportunità oħra biex juru li l-football Malti jista’ jikkompeti fil-livell Ewropew. Vantaġġ ta’ 2-0 huwa wieħed importanti, iżda kontra team b’esperjenza bħal Shamrock Rovers, il-Greens ikollhom bżonn wirja kompleta biex jiksbu kwalifikazzjoni storika għar-round li jmiss.
Il-partita se tintwera diretta fuq TVMSports+, fid-9.00 pm.




