Forsi hi impressjoni żbaljata imma jekk iva, ħafna jinsabu biha. Matul is-snin, is-snajja tekniċi naqsu fi ħdan il-popolazzjoni tagħna. Jew aħjar, qed jonqsu n-nies teknikament imħarrġa tajjeb fis-snajja tradizzjonali meħtieġa għaż-żamma tad-djar u tal-fabriki, u fil-modi moderni kif dawn is-snajja jitħaddmu.
Forsi din l-impressjoni teżisti għax azjendi kbar li kienu jħarrġu u jimpjegaw nies tekniċi m’għadhomx magħna. Fuq quddiem nett, tlifna t-tarznari, li kienu sors kbir ta’ ħiliet tekniċi u tħallew jogħsfru f’indifferenza inspjegabbli. Imma mhux biss—barra t-tarznari, kien hemm azjendi u stabbilimenti ta’ taħriġ li m’għadhomx jissemmew aktar.
Hemm ukoll id-diffikultajiet li wieħed jiltaqa’ magħhom biex isib malajr min jista’ jsewwi xi ħsarat li jinqalgħu fiż-żamma tad-dar jew uffiċċji. In-numru ta’ ħaddiema barranin li qed jiġu ngaġġati bħala operaturi tekniċi fil-fabriki dejjem jiżdied. Ir-raġuni li tingħata hi li ma jinstabux operaturi Maltin.
Jeħtieġ li s-snajja tekniċi jerġgħu jiksbu l-prestiġju u l-interess li kienu jgawdu fl-imgħoddi.
IN-NATO
Bħala organizzazzjoni militari, n-NATO kienet magħrufa bħala għaqda formidabbli kapaċi li tikkontrolla t-territorju Ewropew. Ħafna jqisu li l-għan essenzjali tagħha kien li tħares id-dominanza tal-Istati Uniti bħala superpotenza. L-ilmenti tal-Istati Uniti li kienu qed iġorru piż finanzjarju wisq kbir biex iħarsu, skond huma, s-sigurtà u l-libertà fl-Ewropa, ftit qanqlu tilwim. Ħlief fis-snin tal-Ġeneral de Gaulle bħala President ta’ Franza, l-Ewropej baqgħu iserrħu mal-umbrella militari tan-NATO waqt li jaċċettaw tmexxija Amerikana. Xquq ġieli kien hemm, bħal meta l-Istati Uniti qatgħuha li jinvadu l-Iraq. Biss l-affarijiet bejn il-membri tal-Organizazzjoni ftit inbidlu.
Illum mod ieħor. In-NATO qatt ma nħasset daqstant imħawda. L-amministrazzjoni Trump qed tinsisti bla waqfien biex l-Ewropej joħorġu ħafna aktar flus u riżorsi ħalli jieħdu ħsieb id-difiża tal-Ewropa. Qed tagħmilha ċara li se tnaqqas l-impenn militari u strateġiku tagħha fl-Ewropa biex tikkonċentra fuq il-Paċifiku. Qed tikkritika lill-Ewropej għax mhumiex ikunu solidarji mal-“inizjattivi” militari tal-Istati Uniti.
WCPE
Fl-istat Amerikan ta’ North Carolina hemm stazzjon tar-radjo jismu WCPE li kuljum matul 24 siegħa, jittrasmetti mużika klassika, dejjem preżentata minn announcer tal-post. L-istazzjon jittrasmetti wkoll bla waqfien fuq l-internet. Għalhekk jinstema’ mad-dinja kollha. Kuljum minn qabel, jippublika fuq l-internet il-lista tal-biċċiet mużikali li jkun se jxandar.
Ta’ WCPE jiftaħru li huma uniċi fid-dinja għax l-ebda stazzjon ta’ mużika ieħor ma jipprovdi daqstant servizzi lil min jinteressa ruħu fil-linja tagħhom. Għandhom raġun.
L-istazzjon hu mmexxi minn voluntiera, ilu għaddej kważi 50 sena u jiffinanzja ruħu bil-kontribuzzjonijiet ta’ semmiegħa. Hi storja li bilkemm titwemmen.




