“Illum il-bniedem sar tant illuppjat li mhux qed jintebaħ li qed jgħix mingħajr Alla.” Hekk stqarr il-Kardinal Mario Grech fl-omelija tiegħu waqt li kien qed imexxi Pontifikal Solenni fl-okkażjoni tal-festa tal-Madonna tas-Sokkors f’Ta’ Kerċem Għawdex.
Il-Kardinal Grech stqarr li l-“ħassieb ta’ żmienna (Heideger) isostni li l-veru problema tal‑bniedem modern mhijiex in‑nuqqas t’Alla, iżda l‑fatt li hu ma jsofrix aktar minħabba dan in‑nuqqas; illum il-bniedem sar tant illuppjat li mhux qed jintebaħ li qed jgħix mingħajr Alla! Fil-konċistorju li kellna ħmistax ilu fejn konna madwar 200 kardinal ġejjin mid-dinja kollha, partikularment dawk mill-Ewropa, esprimew dan l-istess tħassib. Il-bniedem illum ma jħossx aktar il‑vojt, ma jindunax bil‑ferita, ma jħossx aktar il‑bżonn ta’ xi ħadd li jiġbdu lil hinn minnu nnifsu, li jiftaħlu orizzonti li jmorru ’l hinn mill-mewt.”
Il-Kardinal qal li l-bniedem verament imut – minn ġewwa, spiritwalment – meta l‑qalb ma tibqax “tinkwieta” għax ikun jonqosha xi ħaġa li timlieha bis-sens, meta l-qalb tidra kollox u ma tħossx aktar dik il‑passjoni biex tistaqsi u tfittex.
Meta x‑xewqa li tkun taf aktar tintefa’, meta l‑mistoqsija ma tibqax taħraq, meta t‑tfittxija għall-ġdid ma tibqax tħawwad, il‑ħajja titlef il-kuluri sbieħ tagħha, l‑ftuħ tagħha, il‑fond tagħha. Il‑qalb tal‑bniedem hija magħmula biex “tinkwieta”, dik li Santu Wistin sejjaħ “inquietudine” (nuqqas ta’ serħan tal-qalb): meta l-qalb ma tafx toqgħod kwieta għax ikun jonqosha xi ħaġa: mhux inkwiet li jeqred, iżda dak li jiftaħ; mhux dak li jħawwad, iżda dak li jimbotta ’l quddiem. Il-qalb hija magħmula biex tistaqsi domandi kbar, għal xewqa li ma tingħalaqx, għal tfittxija li ma tieqafx. Meta din id‑dinamika interjuri tintefa’, il‑bniedem jidħol fl-għaxja ta’ mewt: jgħix, iżda mingħajr tama; jieħu n‑nifs, iżda mingħajr orizzont!
“Għalhekk il‑ħassieb jgħid li l‑bniedem imut meta ma jħallix aktar li l‑passi tiegħu jiġu mmexxija mill‑kewkba fiddiena tal‑lejl: dak id‑dawl ħafif u diskret li ma jobbligax, iżda jistieden; li ma jagħtix soluzzjoni ħafifa, iżda jiftaħ orizzonti ġodda.
Hija il-kewkba ta’ min ifittex, ta’ min jimxi bħala pellegrin, ta’ dawk li ma jikkuntentawx bil‑wiċċ superfiċjali tal‑affarijiet. Meta l‑bniedem ma jħarisx aktar lejn dik l‑kewkba, meta l-bniedem jitfi dik il-kewkba — meta ma jfittixx aktar, ma jistaqsix aktar, ma jixtieqx aktar — allura l‑lejl ma jibqax stennija għal għabex, iżda jsir għeluq. U l‑ħajja titlef id‑direzzjoni tagħha,” ikompli jistqarr il-Kardinal.
Jgħid li għall-Insara din il-kewkba fiddiena li ddawwal il-lejl tal-ħajja hija l-fidi. “Importanti li ma nħalltux il-fidi mar-reliġjożità jiġifieri ma dawk ir-ritwali u ċ-ċelebrazzjonijiet li għandhom libsa reliġjuża imma mhux dejjem huma espressjoni ta’ fidi vera.
“Imur żmerċ bil-kbir min jaħseb li b’fidi Nisranija nifhmu xi pinzellata ta’ ftit tagħrif dwar Alla – ħafna drabi pakkett ċkejken ta’ sentenzi li niftakru mill-lezzjonijiet tad-duttrina, xi ftit talb bl-amment u jekk insibu ħin kultant nersqu għas-sagramenti! Il-fidi tista’ tkun mejta anke jekk inkun liebes il-libsa reliġjuża, anke jekk inżomm id-drawwiet, ir-ritwali u l-lingwaġġ tal-fidi. Il-forma esterna ma tagħmilniex ħajja; il-ħajja tiġi minn ġewwa, mill-qalb li tfittex, li tistaqsi, li tħoss.
“Din l-għamla ta’ fidi fietla hija perikoluża ħafna, għax kapaċi tinħeba taħt kultura reliġjuża, taħt kliem sabiħ, taħt osservanza ta’ regoli, taħt ċelebrazzjonijiet sbieħ u solenni, meta fil-fatt tkun vojta minn ġewwa. Tista’ tidher soda, iżda ma jkollhiex ruħ. Tista’ tidher qawwija, iżda ma jkollhiex xewqa. Tista ’ tidher korretta, iżda ma jkollhiex ħajja,” kompla jipriedka l-Kardinal nhar il-Ħadd li għadda.
Bil-knisja Ta’ Kerċem imżejna sal-inqas dettall għall-festa tas-Sokkors, il-Kardinal Grech jgħid li “wieħed jkollu mistoqsijiet dwar il-fidi, li wieħed jkollu approwċ kritiku lejn it-tagħlim tal-Vanġelu u t-tagħlim tal-Knisja, dan ma jfissirx nuqqas ta’ fidi. Huwa normali li ngħaddu minn ċerti ċirkustanzi iebsin fil-ħajja li jġagħluna niddubitaw mhux biss mill-imħabba t’Alla, imma saħansitra jekk Alla huwiex hemm jew le!
“Jien stess ġrali u jiġrili li jkun hemm waqtiet fejn nibda nistaqsi għax Alla huwa trux għat-talb tiegħi? Għaliex hawn daqshekk tbatija, ġlied u firdiet? Nistaqsi fejn hu dak l-Ispirtu s-Santu li Ġesù wegħedna li ser ikun id-dawl tagħna?; ma nifhimx biżżejjed għax il-Kelma ta’ Alla xi kultant hija daqshekk iebsa: bħal meta jitlobna nħobbu lill-għadu tagħna jew naħfru lil min jagħmlilna d-deni!”
“Għalhekk filwaqt li nagħmlu eżami ta’ kuxjenza biex naraw jekk il-fidi tagħna hijiex moribonda, mejta jew ħajja, nitolbu l-Omm tagħna tas-Sokkors biex tieqaf magħna f’din il-mixja ta’ fidi.
“Kif rajna, Ommna tas-Sokkors tifhimna għax hi stess għaddiet mill-lejl mudlam fil-mixja tal-fidi tagħha. Kif Marija għelbet il-lejl mudlam bid-dawl tal-Rxoxt, hija tgħinna biex ma narmux l-ankri imma nibqgħu nafdaw f’Alla! It-talb ħerqan, speċjalment it-talba tar-Rużarju lil Madonna, kewkba ta’ filgħodu, huwa għodda tajba ħafna biex noforqu l-mewġ tal-ħajja,” temm jgħid il-Kardinal Grech li jiġi apposta kull sena minn Ruma biex jiċċelebra l-festa tas-Sokkors fir-raħal li trabba fih u għex sakemm sar Prinċep tal-Knisja.
