L-applikazzjonijiet għal Mużika Mużika issa huma uffiċjalment miftuħa, u b’hekk qed jingħata bidu għall-vjaġġ lejn is-seba’ edizzjoni tal-festival, li se tittella’ bejn il-11 u t-13 ta’ Marzu 2027.
L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi b’mod elettroniku permezz tas-sit muzikamuzika.mt sas-26 ta’ Settembru 2026, jew personalment fl-uffiċini ta’ Festivals Malta fil-Furjana bejn l-24 u l-25 ta’ Settembru 2026.
Il-Ministru Malcolm Paul Agius Galea tenna li, “Meta ninvestu fil-kultura nkunu qed ninvestu fil-poplu tagħna. Il-Gvern huwa determinat li jkompli jsaħħaħ pjattaformi bħal Mużika Mużika, li mhux biss jiċċelebraw il-lingwa u l-identità tagħna, iżda joħolqu opportunitajiet konkreti għall-artisti Maltin biex ikomplu jikbru u jesportaw it-talent tagħhom.”
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra, qal li, “Kull min isemmi l-festival Mużika Mużika, kważi dejjem iqabbel il-livell tiegħu ma’ festivals internazzjonali. Dan huwa wieħed mill-akbar kumplimenti li jista’ jirċievi festival Malti u huwa xhieda tal-kwalità, tal-professjonalità u tal-ħidma li, sena wara sena, għamlu lil Mużika Mużika sinonimu ma’ produzzjoni ta’ livell għoli.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius irringrazzja lill-bordijiet ta’ Mużika Mużika għall-ħidma u d-dedikazzjoni kontinwa tagħhom, lill-Ministeru għas-sapport lejn dan il-festival, kif ukoll lill-ħaddiema kollha ta’ Festivals Malta, li bl-impenn u l-professjonalità tagħhom jaħdmu bla heda biex kull edizzjoni tkun waħda ta’ suċċess.
Iċ-Chairman tal-Bord ta’ Mużika Mużika, Raymond Bugej,a qal li permezz ta’ Mużika Mużika rnexxielhom joħolqu festival li qed jagħti importanza lill-ilsien Malti u semma kif f’numru ta’ festi u avvenimenti jibqgħu jindaqqu d-diski minn Mużika Mużika, u dan huwa xhieda li dan il-festival tassew laħaq lin-nies.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Artistiku Maestro Paul Abela, spjega kif Mużika Mużika qed iħalli legat importanti fil-mużika Maltija għax iħares lil hinn mill-festival innifsu. “Fil-fatt, il-kanzunetti tal-festival jibqgħu jindaqqu u jgawdu minn popolarità anke wara li jintemm il-festival, kemm fuq il-mezzi tax-xandir kif ukoll f’avvenimenti popolari u huma apprezzati minn nies ta’ kull età – mit-tfal, għaż-żgħażagħ u l-anzjani.”
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet issemma wkoll it-tkabbir u s-suċċess li kiseb il-festival matul dawn l-aħħar sitt edizzjonijiet, kif ukoll dwar il-preparamenti li diġà bdew għall-edizzjoni li jmiss. Intqal ukoll li bħal kull sena, Mużika Mużika se jkompli jsaħħaħ il-livell artistiku tiegħu u joffri pjattaforma ta’ kwalità għall-kompożizzjonijiet oriġinali bil-Malti.
Matul l-istess ċerimonja ġew ippreżentati wkoll it-trofej lill-artisti rebbieħa tas-sitt edizzjoni ta’ Mużika Mużika. Il-kanzunetta rebbieħa kienet ‘Nistaqsi’, interpretata minn Jasmine Abela, b’kompożizzjoni ta’ Glen Vella u kliem ta’ Philip Vella.
Fit-tieni post ikklassifikat ‘Niftakarna’, interpretata minn Daniel Cauchi, bi kliem ta’ Micheal Spagnol u mużika ta’ Daniel Cauchi, Chris Gatt u Robert Spiteri. It-tielet post intrebħet minn ‘Int u Jien’, interpretata minn Kevin Paul, bi kliem u mużika ta’ Kevin Paul, Edward Abela u Matthew James. Ingħataw ukoll it-trofej għall-Aħjar Interpretazzjoni lil Daniel Cauchi għall-kanzunetta ‘Niftakarna’, u għall-Aħjar Arranġament Mużikali lil Edward Mifsud għall-kanzunetta ‘Nistaqsi’.




