Monday, December 23, 2024

“Għamilna bidliet kbar u rridu nkomplu nagħmlu r-riformi”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Jgħid dan il-Prim Ministru Robert Abela fl-aħħar dibattitu tal-kampanja elettorali

Fl-aħħar dibattitu tal-kampanja elettorali bejn il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, li xxandar illum fuq l-istazzjon nazzjonali, spikkat il-konvinzjoni tal-Prim Ministru li jkompli għaddej bir-riformi. Fil-fatt hu ddikjara li saru riformi kbar u jrid jibqa’ jagħmel ir-riformi. Min-naħa l-oħra, il-Kap tal-Oppożizzjoni meta affaċċjat b’diversi mistoqsijiet dwar kemm se jagħti żieda fil-pensjonijiet, huwa qal li se jżidhom iżda ma qalx b’kemm.

Id-dibattitu fetħu l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fejn qal li l-PN huwa konxju tad-diffikultajiet li hemm għaddejjin madwarna iżda saħaq li huma jinsabu ppreparati biex jegħlbu dawn l-isfidi. 

Huwa ċaħad li bena dar bla permess u ċaħad ukoll li ddikjara għal ħafna snin ammonti ta’ €6,000 fis-sena paga. Allega li Robert Abela, dak li hu tiegħu jagħtih lil ħaddieħor u li ma tistax tafdah. 

Il-Prim Ministru rribatta billi qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni kompla fejn beda ħames ġimgħat ilu u minflok jiffoka l-enerġija tiegħu fuq proposti dwar kif se jtejjeb l-kwalità tal-ħajja tan-nies, reġa’ moħħu f’Robert Abela. Huwa qal li jinteressah mill-futur tan-nies.

“Ma nistax ma nirrimarkax li għandna Kap tal-Oppożiżzjoni li llum qed jgħid li n-nuqqasijiet tiegħu ta’ evażjoni tat-taxxa, huma gidba, u fil-kampanja għat-tmexxija tal-Kap tal-PN kien qal huwa stess li jiddispjaċih minn dak li għamel u seta’ kien aktar attent. Dak juri l-inkonsistenza,” tenna l-Prim Ministru.

Tenna li rridu niffokaw fuq il-futur tan-nies għaliex nhar is-Sibt li ġej, in-nies iridu jiddeċiedu dwar il-futur tagħhom, tat-tfal tagħhom u tal-pajjiż. Enfasizza fuq il-kompetenza u l-kredibilità li stqarr li kienu prinċipji ewlenin li Gvern immexxi minnu offra f’dawn l-aħħar sentejn li ma kienu faċli xejn anke minħabba l-pandemija. 

Qal li llum id-dinja qed taffaċċja sfidi ġodda bit-tensjonijiet bejn l-Ukrajna u r-Russja. Għalhekk li qatt daqs qatt qabel, il-pajjiż jeħtieġ tim kalm u stabbli ta’ persuni li jmexxuh. 

“Urejna kif dan il-partit, anke mill-Gvern jibqa’ l-partit tal-bidla u tat-tiġdid. Imma biex tilħaq dawn l-għanijiet trid tkun partit magħqud u Gvern magħqud,” tenna Dr Abela li żied jinnota kif il-PN għal manifest wieħed ħareġ ħamsa differenti u issa “bis-suppost costings li ħarġu” jidher li għandna s-sitt verżjoni. 

Qal iżda li mill-banda l-oħra mal-PL taf fejn qiegħed. Vot lill-PL nhar is-Sibt li ġej ifisser pajjiż aktar b’saħħtu li joffri kwalità ta’ ħajja b’Malta isbaħ u opportunitajiet aqwa għal kulħadd. “Għandna 1,000 proposta li jekk ningħataw il-fiduċja, nistgħu ndawruhom f’elf kisba għal pajjiżna. Għamilna bidliet kbar, fl-oqsma tad-drittiiet ċivili, fil-qasam soċjali, fil-qasam ekonomiku, fl-oqsma tal-ugwaljanza. Bl-istess mod irridu nibqgħu nagħmlu riformi kbar. 

“Ir-rispett li kull min huwa fit-tmexxija jrid juri. Inwiegħed li jekk nerġgħu ningħataw il-fiduċja, nuru tmexxija bbażata fuq il-prinċipju fundamentali tar-rispett lejn il-poplu kollu,” tenna l-PM. 

Ekonomija

Sport