Angela Dimech, tfajla li għandha 26 sena u toqgħod il-Ħamrun rebħet it-titlu ta’ Princess of the World Malta. Hija proprja taħdem bħala accountant iżda għandha passjoni kbira għad-dinja tal-moda. Tkellimna ma’ Angela dwar l-esperjenza tagħha fl-immudellar a timmudella għal aktar minn erba’ snin, u li diġà kisbet suċċessi kbar f’dan il-qasam.
Fost dawn is-suċċessi nsemmu t-titlu ta’ Miss Supranatural Malta fl-2022, fejn f’dan il-kuntest ġiet mal-ewwel 5 fost il-kontestanti. Is-sena ta’ wara mbagħad fl-2023, ħadet sehem f’kuntest ieħor, Miss Universe Malta u kisbet il-Beautifully Confident Award u s-Social Media Award, fejn tgħid li l-midja u li toħloq kontenut fuqha hija l-passjoni kbira tagħha wkoll.
Issa qed tħares lejn din l-esperjenza, il-kompetizzjoni ta’ Miss Princess li se ssir bejn it-28 ta’ Marzu u l-4 ta’ April fuq vapur lussuż li jivvjaġġa madwar l-Ewropa, u li naturalment hija esperjenza unika bħala parata ta’ sbuħija.
Filwaqt li qed tipprepara għall-kompetizzjoni, Angela spjegat li qed taħdem fuq kostum tradizzjonali Malti uniku, fost bosta lbiesi oħra li se tieħu magħha. Hija tinsab eċitata li ser tiltaqa’ ma’ rappreżentanti minn pajjiżi oħra u li se tkun qed tgħaddi minn din l-esperjenza.
Meta staqsejna ftit kif nibtet din l-imħabba lejn l-immudellar, Angela rrakkontat memorji mit-tfulija tagħha u qaltilna, “jiena mindu kont żgħira dejjem inħobb il-moda, nara l-isfilati fuq it-televiżjoni, jiena l-iżgħar minn fost ħamest aħwa, u t-tliet ibniet ikbar minni dejjem kienu jaffaxxinawni narahom jagħmlu l-make up, u kienu joqogħdu jlibbsuni, u meta ġietni l-ewwel opportunità, xi madwar erba’ snin ilu, għalkemm naturalment kont vera eċitata dwar din l-esperjenza, dejjem bqajt nagħmel l-almu tiegħi biex noħodha aktar bis-serjetà, u nikseb is-suċċessi li dejjem ħlomt, u li tagħhom jien grata ħafna.”
Waqt li qed nitkellmu ma’ Angela u kif qed tħares lejn din l-esperjenza hija qalet li bħal kull esperjenza li għaddiet minnha fl-immudellar dejjem tfittex tara “kif se ntejjeb lili nnifsi, kif se nara kif intejjeb il-personalità, niffoka fuq il-health u l-fitness. L-għan tiegħi dejjem ikun u huwa li nuża l-vuċi tiegħi, permezz tal-pjattaforma u l-pagaent biex nibqa’ nagħmel impatt tajjeb u nipprova ninkoraġixxi aktar lin-nisa u nħeġġeġ aktar relazzjonijiet b’saħħithom f’ħajjithom.”
Dan jixhed il-fatt dwar l-importanza li għal Angela mhux biss importanti li tkun sabiħa minn barra imma anke li tkun sabiħa minn ġewwa u li jkollok personalità sabiħa, u kif tisħaq hi stess “dejjem importanti li jkollok il-pakkett sħiħ kif ngħidu. Ovvjament li taħdem fuq id-dehra u fuq innifsek, u jkollok passjoni għall-moda hija parti mix-xogħol li jeħtieġu dawn il-kuntesti, iżda trid taħdem ukoll fuq il-personalità, li tagħmel atti tajbin, u li tkun ta’ mudell u eżempju tajjeb għal ħaddieħor.” Hija fil-fatt dejjem iżżomm f’moħħha l-impatt li kellha hi meta kienet iżgħar għalhekk tkompli tgħid li “dejjem inżomm f’moħħi kemm meta kont żgħira kont inħobb nara ħafna mudelli u sfilati, u allura dejjem niftakar li dak li se nagħmel ser iħalli impatt fuq tfal iżgħar u anke adolexxenti, u li kemm jista’ jkun tipprova tuża l-vuċi tiegħek biex twassal messaġġi pożittivi.”
Tkellimna wkoll dwar ix-xena tal-immuddellar f’pajjiżna u kif inbidlet matul dawn l-aħħar snin, u Angela temmen li “bil-midja soċjali hemm aktar ċans għal espożizzjoni faċli, iżda jaf ukoll iġġib magħha tqarriq, bħall-użu tal-filters, messaġġi ħżiena, u trid toqgħod attent ħafna li inti jekk tkun parti minn din ix-xena, trid toqgħod attent kif se tinfluwenza lil ħaddieħor. Iktar ma ttejjeb il-midja soċjali aktar hemm ċans li ser tħalli impatt, u dan għandu jkun dejjem fl-opinjoni tiegħi pożittiv.”
Meta tlabna messaġġ għal min jixtieq jagħmel karriera fl-immudellar, Angela qaltilna li wieħed biex jikseb suċċess f’dan il-qasam għandu “dejjem iżomm f’moħħu l-għanijiet, u li ser issib minn kollox, anke bħala nies, ser issib min jappoġġjak, u anke ser issib min ser jipprova jaqtagħlek qalbek, iżda għandek temmen fik innifsek,” u kif kompliet turi l-importanza, u kif temmen hi, “jekk tibqa’ temmen fil-ħolm tiegħek għandek mnejn tasal, iżda jekk temmen fik innifsek żgur li se tasal.” Dan għax inti dejjem se tibqa’ temmen u tħares lejn dak li tixtieq tikseb u tibqa’ tkun determinat.