Fil-librerija tal-kampus tal-MCAST f’Raħal Ġdid, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ħabbar li l-Gvern se jippreżenta dalwaqt behavioural framework ġdid għall-istudenti li jwassal għall-introduzzjoni ta’ protokolli ġodda fl-iskejjel kollha dwar l-imġiba, il-proċedura ta’ tfittxija u r-rispons f’każ ta’ emerġenza. Il-Prim Ministru qal dan waqt laqgħa ta’ diskussjoni minn sensiela room4ideas li trattat it-tema tal-edukazzjoni. Dr Abela qal li fuq dan il-qafas se ssir konsultazzjoni mal-Kapijiet tal-Iskejjel u wara jiġi ippubblikat. Din hija miżura tal-manifest elettorali Int Malta li se tkun qed tiġi implimentata f’dawn l-ewwel xhur ta’ leġiżlatura ġdida.
Fid-diskussjoni li mexxiet Pauline Agius ħadu sehem ukoll il-Prinċipal tal-MCAST Stephen Vella, il-Kap tal-Iskola Primarja tar-Rabat (Malta) Dorita Maniscalco, l-istudenta fil-kors ta’ Veterinarju Michela Aquilina u Analise Borg, li hija omm ta’ żewġt ulied, fosthom student fir-raba’ sena tal-iskola Primarja.
Il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-investiment b’saħħtu li qed isir fis-settur edukattiv fosthom f’ambjent isbaħ fl-iskejjel, bl-iskola Primarja tal-Belt u dik ta’ Kerċem f’Għawdex tlestew u għaddej ritmu fl-iskejjel Primarji tan-Naxxar u ta’ Ħal Qormi (San Ġorġ).
Il-Prim Ministru Robert Abela semma li l-enfasi llum fis-settur edukattiv hija aktar ffukata fuq dak meħtieġ fid-dinja tax-xogħol f’pajjiżna fosthom f’setturi emerġenti u oħrajn li jagħtu opportunitajiet ekonomiċi ta’ kwalità, fosthom anki l-qasam tal-avjazzjoni. Qal li pajjiżna għandu sfida importanti dwar reviżjoni tal-kurrikulu nazzjonali fejn irridu nkomplu nwieġbu għall-ħtiġijiet li għandha bżonn Malta b’mod allineat mal-Viżjoni Malta 2050. Il-Prim Ministru semma wkoll riforma importanti dwar l-użu tal-midja soċjali fost l-addoloxxenti. Qal li kellna proċess ta’ konsultazzjoni b’saħħtu u issa rridu nibdew nimplimentaw din ir-riforma. Il-Prim Ministru semma wkoll l-edukazzjoni vokazzjonali. Qal li jekk trid teċċella fl-akkademja se nagħtuk l-opportunità imma jekk għandek ġibda lejn suġġett vokazzjonali, trid issib l-istess ċans li tiżviluppa t-talenti tiegħek.
Dr Abela semma wkoll miri ewlenin li għandna biex inkomplu nnaqqsu r-rata ta’ early school leavers. Qal li diġà hemm passi importanti hekk kif fl-aħħar xhur, il-Eurostat wera li Malta kien il-pajjiż li kiseb l-akbar progress fost l-Istati Membri Ewropej kollha fejn tidħol ir-rata ta’ early school leaver. “Qabel l-2013 konna fost l-agħar fl-Ewropa fejn jidħol żgħażagħ li jitilqu mill-edukazzjoni qabel iż-żmien. Illum ġejna għall-ewwel darba taħt il-medja Ewropea u anke lħaqna l-mira li l-Kummisjoni għandha għall-2030. Jiġifieri anke hawn ilħaqna l-miri aktar kmieni minn dak maqbul. Imma mhux se nieqfu hemm għax fil-manifest għandna mira li r-rata ta’ dawk li jitilqu mill-iskola wara l-edukazzjoni obbligatorja tinżel anki aktar”, qal il-Prim Ministru.
Fid-diskussjoni, il-Prinċipal tal-MCAST Stephen Vella rrimarka għall-investiment fil-Kulleġġ u anki fil-letturi fejn il-Gvern laħaq ftehim kollettiv b’saħħtu li tejjeb bil-bosta l-kundizzjonijiet u s-salarji tal-edukaturi. Irrimarka li fost oħrajn, fis-settur tal-avjazzjoni hemm investiment fuq esperjenza ta’ simulazzjoni f’kapsula mudell ta’ Airbus. L-omm Analise Borg semmiet l-għajnuniet b’saħħithom li jirċievi binha u anki rrimarkat għal miżura fil-programm ta’ ħidma ta’ Gvern Laburista li bdiet taħdem bħala proġett pilota, dik tal-lezzjonijiet tal-għawm b’xejn għat-tfal.
Il-Kap tal-Iskola Dorita Maniscalco rrimarkat għal miżura mwettqa mill-Gvern fl-ewwel 100 jum ta’ Gvern ġdid, li biha qed jiġu mgħejjuna aktar il-Kapijiet tal-Iskejjel, dik li l-fond li jgħin tfal neqsin minn affarijiet bażiċi se tittrippla, minn €10,000 għal €30,000 f’din is-sena skolastika. Hija semmiet kif dan il-fond jgħin ħafna fis-skiet u tat eżempji tanġibbli. Il-Prim Ministru rreaġixxa wkoll għall-esperjenza ta’ Michela Aquilina fejn irrimarka għal deċiżjoni importanti li ttieħed biex jiġi introdott il-kors ta’ Veterinarju f’pajjiżna, fejn qabel dawk li xtaqu jaqbdu dik il-linja kellhom isiefru. Michela Aquilina semmiet l-esperjenza bl-introduzzjoni ta’ dan il-kors b’kollaborazzjoni mal-Universitat Autònoma de Barcelona, u kellha l-opportunità li tmur f’din il-belt biex tagħmel il-prattika tagħha hemmhekk bħala parti mit-tagħlim.
Il-Prim Ministru Robert Abela temm jgħid li l-esperjenza edukattiva trid tibqa’ tkun waħda sabiħa fejn l-edukazzjoni ma tkunx sempliċi tagħlim ta’ fatti, imma żvilupp tal-kapaċitajiet ta’ wliedna. Qal li quddiem Budget li se jressaq il-Gvern it-Tnejn 26 ta’ Ottubru rridu nkomplu ninvestu fil-qasam edukattiv, fil-ħiliet taż-żgħażagħ tagħna biex inkomplu ntejbu l-qagħda tal-ħajjiet tal-familji.
