Sunday, September 27, 2026
Home Internazzjonali Meloni taljena…propaganda biex taħbi l-falliment fil-politika soċjali, ekonomika u t-tnaqqis fl-appoġġ

Meloni taljena…propaganda biex taħbi l-falliment fil-politika soċjali, ekonomika u t-tnaqqis fl-appoġġ

….l-iskejjel għandhom ikunu postijiet fejn it-tfal jitgħallmu jirrispettaw id-differenzi, mhux fejn differenza reliġjuża ssir raġuni għall-umiljazzjoni u esklużjoni.

0
115

Bħal dan iż-żmien sena, aktarx li fl-Italja ikun hemm l-elezzjoni ġenerali. Elezzjoni f’pajjiż fejn l-iskuntentizza hi kbira. Pajjiż fejn qasam wara qasam, minkejja l-wegħdiet tal-Prim Ministru Giorgia Meloni, kompla ifalli. U meta fadal sena għall-elezzjoni u meta tfaċċa partit ieħor li qed inaqqar il-voti minn naħa tal-lemin, mhix sorpriża li l-Gvern ta’ Giorgia Meloni immexxi mill-Fratelli d’Italia tipprova ssib rifuġju u forċina f’xi ħaġa popolista. 

F’xi ħaġa li kapaċi taljena lin-nies. Xi ħaġa li kapaċi toħloq kontroversja biex biha jitgħattew il-fallimenti tal-istess Gvern u fl-istess ħin tieħu bħala tagħha proposta magħmula minn tal-lemin estrem. Dan l-aktar meta minn stħarriġ riċenti li saru fost il-poplu Taljani, juri l-iskuntentizza tiegħu għat-tmexxija tal-Gvern ta’ Meloni. U allura fl-aħħar jiem ma kintix sorpriża li rajna lil Meloni tipprova tirkeb fuq xi ħaġa populista. Qabdet mal-kwistjoni tal-Burqa u n-Niqab fl-iskejjel, allavolja hu fatt magħruf u dan jikkonfermawh anke l-għalliema Taljani li rari ltaqgħu ma’ każi ta’ studenti bniet li libsu l-Burqa.

Memorja tal-passat Faxxista

Ovvjament, dak li sar fakkarna fir-reġimi faxxisti tal-passat. Ma ninsewx li l-Partit Fratelli d’Italia li tmexxi Meloni imwaqqaf fis-sena 2012 għandu rabtiet organizzattivi u storiċi mal-Movimento Sociale Italiano (MSI), partit neo-faxxista mwaqqaf wara t-Tieni Gwerra Dinjija, permezz tal-Alleanza Nazionale. Studju akkademiku kien  iddeskriva lill-Fratelli d’Italia bħala partit tal-lemin radikali b’għeruq estremisti tal-lemin. Irid jingħad li Giorgia Meloni u t-tmexxija ta’ Fratelli d’Italia jippreżentaw il-partit bħala moviment konservattiv u demokratiku, u l-programm uffiċjali tiegħu jirreferi espliċitament għal-libertà u d-demokrazija. Minkejja dan fis-sena 2024 investigazzjoni  uriet membri taż-żgħażagħ ta’ Fratelli d’Italia jagħmlu saluti faxxisti, jkantaw slogans Nażisti u jesprimu ideat antisemitici. Meloni rrispondiet li m’hemmx post għall-faxxiżmu, ir-razziżmu jew l-anti semitiżmu fil-partit. 

Ta’ min wieħed ifakkar li meta hi kellha qrib l-20 sena, hi kienet iddikjarat li ‘Mussolini kien politiku tajjeb, l-aħjar tal-aħħar 50 sena’.  Fis-snin ta’ wara fil-pubbliku tkellmet kontra l-faxxiżmu u qalet b’mod espliċitu li ‘’kieku kont faxxista, kont ngħid li jien faxxista… għax m’iniex faxxista.” Dan juri li l-messaġġ pubbliku tagħha nbidel b’mod sinifikanti bejn iż-żgħożija tagħha u l-perjodu meta saret Prim Ministru. Il-mistoqsija li rridu nagħmlu u li sa issa m’hemmx tweġiba għaliha hi għaliex il-pożizzjoni fil-pubbliku bidlitha…twemmin personali? Evoluzzjoni politika? Konvenjenza? Kunsiderazzjonijiet elettorali?

Similarità fil-proposta mar-reġimi faxxisti

M’hemm ebda dubju li ħafna ftakru fir-reġimi faxxisti tal-passat meta semgħu dak propost minn Meloni rigward il-Burqa u studenti barranin fl-iskejjel Taljani.  Hu fatt li fil-passat reġimi faxxisti ikkontrollaw u intervjenew fl-ilbies u fid-dehra bħala parti minn proġett usa ta’ dixxiplina soċjali u konformità.  Il-faxxiżmu Taljan ma intervjeniex biss fl-ilbies iżda pprova jinfluwenza mhux biss il-politika iżda ukoll  il-ħajja soċjali u kulturali.  Fi żmien l-era faxxista ir-reġim  kellu attitudni qawwija lejn l-ilbies u d-dehra pubblika, u pprova jippromwovi stil meqjus bħala “Taljan”, konservattiv u dixxiplinat. Per eżempju in-nisa kienu mħeġġa jilbsu b’mod modest u tradizzjonali. L-ilbies u l-moda kienu marbutIN mal-ideat tar-reġim dwar ir-rwoli tal-irġiel u n-nisa. Il-Faxxisti ppruvaw jikkontrollaw jew jinfluwenzaw il-moda permezz ta’ kampanji, organizzazzjonijiet u propaganda.

Għalhekk il-projbizzjoni tal-Burqa, tfakkar f’aspetti tal-politika faxxista ta’ kontroll tal-ilbies u l-imġieba. Meloni ħabbret li l-gvern Taljan irid jipprojbixxi l-burka u n-niqab fl-iskejjel, jiġifieri lbies li jgħatti l-wiċċ kollu. Il-hijab, li jħalli l-wiċċ mikxuf, mhuwiex dak li qed jiġi mmirat fil-proposta.  Il-proposta tinkludi wkoll miżuri oħra dwar l-iskejjel, fosthom limitu fuq in-numru ta’ studenti barranin f’kull klassi u tagħlim obbligatorju tat-Taljan għal ċerti ġenituri ta’ studenti li jkollhom diffikultajiet serji ta’ integrazzjoni.

‘Proposta frivola’….diskriminatorja…u saret biss 

għal esiġenzi elettorali…konferma li Burqa fi skejjel Taljani hi rari

Kif mistenni xi ħaġa bħal din toħloq kontroversja. Qabżu fuqha mill-ewwel il-populisti u r-razzisti. Anki f’pajjiżna kien hemm min ra li għandu jibda jrewwaħ dwarha. Kellna saħansitra esponenti miż-żewġ partit politiċi ewlenin li tkellmu u bdew jimbuttaw dan. Anki ġurnal ‘online’ u li suppost hu xellugi spiċċaw jirrapporta dak li pproponiet Meloni. 

Imma lil hinn minn dan, b’mod reali x’inhi s-sitwazzjoni fl-Italja u anke pajjiżi oħra?   Realment, il-burqa jew niqab fost l-istudenti fl-Italja  hu fenomenu rari ħafna. Skont stimi ppubblikati qed jingħad li jista’ jkun hemm madwar 500 jew 600 studenta barrani li jilbsu l-velu integrali fl-iskejjel Taljani. Il-kalkolu jagħti madwar student waħda b’burqa għal kull 660 klassi. Hemm ukoll evidenza konkreta li l-każijiet huma ftit: per eżempju, fi skola f’Monfalcone fis-sena 2025 kienu rrappurtati 4 tfajliet li kienu jilbsu niqab, u l-iskola kienet tagħmel verifika tal-identità tagħhom.

Għalliema Taljani, kif faqqgħet il-kontroversja, tkellmu b’mod ċar u prattikament ikkonferma li hu rari ħafna li jiltaqgħu ma studenti bil-burqa u ħafna qalu li qatt mar raw. Oħrajn irrakkuntaw l-esperjenzi tagħhom. 

Luigi Serra, għalliem fl-iskejjel professjonali fil-Lombardija, qal li ra każijiet fejn studenti kienu jidħlu fil-klassi b’burqa u li, waqt l-eżamijiet, jitlob li jaraw wiċċ l-istudenta biex tkun identifikata.  Rosy Trifirò, għalliema li ħadmet fi skejjel ta’ Monfalcone u Gorizia, qalet li kienet rat bniet żgħar jilbsu n-niqab. F’Monfalcone, il-kap tal-iskola Maria Cardella spjegat li xi studenti aċċettaw li jikxfu wiċċhom minħabba r-regolamenti tal-iskola, filwaqt li studenta adulta waħda għażlet li titlaq jew tmur skola oħra.

F’Istituto Pertini f’Monfalcone, fis-sena 2025 juri li kien hemm ħames studentesse biss li kienu jilbsu n-niqab; waħda minnhom aktar tard telqet mill-iskola. Il-kap tal-iskola, Carmela Piraino, qalet li n-niqab kien xi ħaġa ġdida għall-iskola, minkejja li l-hijab kien diġà komuni fost l-istudenti.

Maria Cardella, tkellmet dwar każijiet li kellha fl-iskola tagħha u qalet li xi studenti aċċettaw jikxfu wiċċhom skont ir-regolament tal-iskola, filwaqt li studenta adulta għażlet li titlaq jew tmur skola oħra. Dan juri li l-każijiet li qed jiġu rrappurtati huma speċifiċi għal ċerti skejjel, mhux fenomenu li qed jiġi deskritt bħala komuni fl-iskejjel kollha. Ħafna għalliema oħrajn iddikjaraw li qatt ma’ ltaqgħu ma’ din ir-realtà.

Ir-raġuni vera ta’ din il-kontroversja……

…l-appoġġ dejjem nieżel ta’ Meloni

M’hemm ebda dubju li din il-kontroversja frivola, inqalgħet għal raġuni waħda – dik li l-elezzjoni Taljana tinsab wara l-bieb bl-appoġġ lejn il-Gvern ta’ Meloni dejjem nieżel. Filfatt minn l-aħħar stħarriġ li sar instab li 59 fil-mija kellhom ġudizzju negattiv dwar il-ħidma tal-gvern, kontra 36 fil-mija li  kellhom ġudizzju pożittiv. 53 fil-mija qalu li l-Italja sejra fid-“direzzjoni ħażina”, kontra 31 fil-mija li qalu li l-Italja sejra fid-direzzjoni t-tajba. 39 fil-mija qalu li l-gvern mar agħar milli kienu stennew fl-2022, kontra 11 fil-mija li qalu li mar aħjar. 

Jekk țara l-aħħar stħarriġ dwar fejn jinsabu l-Partiti Taljani f’dak li hu appoġġ issib li waqt li l-appoġġ għaċ-ċentru-xellug huwa sinifikanti, iżda għadu maqsum f’diversi forzi. Il-Partito Democratiku hu stmat li għandu appoġġ ta’ bejn 20 u 21 fil-mija, l-Alleanza Verdi e Sinistra għandha bejn 6 u 7 fil-mija. Il-M5S għandu appoġġ ta’ madwar 12 fil-mija u dan b’mod ġenerali jitqies separat miċ-ċentru-xellug tradizzjonali, għalkemm jista’ jkun parti minn alleanza usa’ tal-oppożizzjoni. Jekk tgħaqqad Partit Demokartiku mal-Alleanza Verdi Sinistra dawn iġibu madwar 27 fil-mija tal-voti.  L-aktar punt interessanti huwa li dawn flimkien ma’ M5S ikollhom bejn 39–40 fil-mija. f’dawn il-medji. 

Quddiem dawn ir-riżultati hu ċar li l-kwistjoni populista li nqalgħet saret għax l-elezzjoni tinsab fil-qrib u l-Gvern ta’ Meloni qiegħed jiffaċċja   kompetizzjoni fuq il-lemin, fosthom minn Roberto Vannacci li qed jieħu pożizzjoni aktar iebsa dwar il-migrazzjoni.  Hu ċar li l-burqa u l-kwistjoni tal-istudenti barranin qed jintużaw bħala “propaganda” jew biex tinbidel id-diskussjoni minn problemi oħra fil-pajjiż u fis-sistema edukattiva.  

U wieħed irid iżomm f’moħħu iż-żmien li fih inbdiet din il-kontroversja mill-istess gvern.  Hu iż-żmien li fih isir magħruf li l-Italja ma ħarġitx mill-proċedura Ewropea dwar id-defiċit kif kien mistenni. Fl-Itgalja it-tkabbir ekonomiku jibqa’ punt debboli. 

Il-falliment soċjali ta’ Meloni

U tifhenm aktar għaliex inħolqot din il-kontroversja frivola u diskriminatorja meta tara l-oqsma u xi progress sar fihom. Jekk nieħdu l-pagi u l-għoli tal-ħajja  naraw li skont l-OECD, il-pagi reali fl-Italja kienu għadhom 8.8 fil-mija taħt il-livell ta’ Jannar tas-sena 2021 fl-aħħar tas-sena 2025. Fejn tidħol is-saħħa pubblika: il-Kummissjoni Ewropea tgħid li l-aċċess għall-kura tas-saħħa ddeterjora f’dawn l-aħħar snin, b’listi ta’ stennija itwal, spejjeż ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea u nuqqas ta’ ħaddiema. 

Forsi ħafna inset kemm il-politika ta’ Meloni qabel l-elezzjoni kienet tat importanza li jkun hemm żieda fit-twelid. Imma anki hawn kien hemm falliment. Minkejja li ż-żieda fit-twelid kienet prijorità politika ta’ Meloni, fl-2025 l-Italja kellha biss madwar 355,000 twelid, l-inqas numru mill-unifikazzjoni tal-Italja. 

Fejn jidħol il-faqar naraw li dawk b’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali niżel bi ftit minn 23.1 fil-mija għal 22.6 fil-mija fis-sena 2025. Madankollu, għad hemm madwar 13.3 miljun persuna f’din il-kategorija. 

  • Iżda deprivazzjoni materjali u soċjali severa żdiedet, minn 4.6 fil-mija  għal 5.2 fil-mija — aktar minn 3 miljun persuna. Il-faqar assolut fis-sena 2024 kien għadu għoli ħafna: 5.7 miljun persuna  jew 9.8 fil-mija u r-rata kienet prattikament l-istess bħas-sena 2023.  Barra minn hekk, id-dħul reali tal-familji, minkejja l-irkupru fis-sena 2024, kien għadu 4.9 fil-mija taħt il-livell tal-2007. 

Dan juri li l-faqar fl-Italja għadu problema kbira u l-faqar assolut baqa’ wieħed sinifikanti.

  • Jekk wieħed iħares lejn it-tkabbir ekonomiku isib li l-Kummissjoni Ewropea tbassar tkabbir  ta’ 0.5 fil-mija fis-sena 2026 u 0.6 fil-mija fis-sena 2027. Dan ifisser ekonomija li qed tikber bil-mod ħafna.  Ma’ dan hemm dejn pubbliku li hu għoli u hu mbassar jilħaq 139.2 fil-mija tal-ġid nazzjonali fis-sena 2027.
  • Jekk wieħed jidħol fil-fond fis-sistema tas-saħħa fl-Italja isib li l-pjan nazzjonali għas-sena 2025–2027 ġie introdott proprju biex jindirizza l-problema. L-OECD tirrapporta li fil-bidu tas-sena 2025, għal servizzi mhux urġenti, kien hemm dewmien sinifikanti; pereżempju, konsultazzjonijiet tal-kardjoloġija li suppost isiru fi żmien 30 jum kienu qed jieħdu medja ta’ madwar 90 jum f’ċerti każijiet. 
  • Jidher li l-poplu Taljan  mhux knuten bil-kura. Fis-sena 2025, 44 fil-mija biss tal-popolazzjoni Taljana qalet li kienet sodisfatta bid-disponibbiltà ta’ kura tas-saħħa ta’ kwalità, meta mqabbla ma’ 64 fil-mija bħala medja fl-OECD. Hemm nuqqas kbir ta’ infermiera fejn hu kkalkulat li l-Italja għandha 6.9 infermiera għal kull 1,000 persuna, kontra 9.2 bħala medja tal-OECD. 
  • Ma’ dan, in-nefqa fuq is-saħħa hija relattivament baxxa fejn hu stammt li l-Italja tonfoq madwar 8.4 fil-mija tal-PDG fuq is-saħħa, kontra 9.3 fil-mija bħala medja tal-OECD. 
  • Riżultati dgħajfin fl-edukazzjoni 
  • Jekk nieħdu l-qasam edukatltiv naraw li anke hemmhekk hemm riżultati dgħajfin.  Il-Kummissjoni Ewropea tgħid li r-riżultati edukattivi fl-Italja għadhom dgħajfa u irregolari, u li l-istudenti żvantaġġjati għandhom madwar tliet darbiet aktar ċans li ma jilħqux il-livell bażiku. Fin-Nofsinhar, madwar 46 fil-mija tal-istudenti ma jilħqux il-profiċjenza bażika. 
  • Fejn tidħol il-Matematika, ir-riżultati PISA 2025 juru li l-Italja kellha tnaqqis sinifikanti fil-matematika meta mqabbla mas-sena 2018.   Rigward l-għalliema naraw li l-OECD tgħid li l-pagi tal-għalliema huma baxxi meta mqabbla mal-medji tal-OECD u tal-UE, u li madwar wieħed minn kull ħames għalliema kien fuq kuntratt ta’ inqas minn 12-il xahar. 

Liġi diskriminatorja u li se tkompli trewwaħ ir-razziżmu u l-preġudizzji

Din il-liġi kompliet trewwaħ u tkabbar il-preġudizzji u r-razziżmu diġa qawwijin fl-Italja.  M’hemm dubju li hi liġi diskriminatorja. Dan għax għalkemm ir-regola hija miktuba bħala projbizzjoni fuq il-wiċċ mgħotti u mhux “projbizzjoni tar-reliġjon Musulmana”, fil-prattika tolqot lill-istudenti Musulmani li jilbsu n-niqab jew il-burqa għal raġunijiet reliġjużi. U allure hawn bilfors iqumu kwistjonijiet marbutin mal-ugwaljanza u libertà reliġjuża. Qabel il-miżura l-ġdida, l-Italja kellha diġà l-Liġi Nru 152 tas-sena 1975, li tipprojbixxi f’postijiet pubbliċi l-użu ta’ mezzi li jagħmluha diffiċli biex persuna tiġi identifikata, mingħajr raġuni ġustifikata. Biss fis-sena 2008, il-Consiglio di Stato kien ddeċieda li l-ilbies reliġjuż li jgħatti l-wiċċ, inkluż in-niqab, jista’ jikkostitwixxi “raġuni ġustifikata” skont dik il-liġi. Il-Qorti qalet ukoll li dan l-ilbies mhuwiex maħsub biex jevita l-identifikazzjoni. Issa id-digriet tas-sena 2026 dwar l-iskejjel jgħid espressament li ma jistax ikun hemm parteċipazzjoni f’attivitajiet tal-iskola bil-wiċċ mgħotti, ħlief għal raġunijiet speċifiċi ta’ saħħa jew sigurtà, u jipprovdi multa ta’ bejn €200 u €1,000. Miżura bħal din ikollha konsegwenzi fuq ir-relazzjonijiet bejn gruppi u fuq l-intolleranza.

Il-projbizzjoni tal-burqa u n-niqab fl-iskejjel mhijiex biss kwistjoni ta’ libsa; hija kwistjoni ta’ libertà, ugwaljanza u rispett lejn persuni ta’ twemmin differenti. Meta miżura tolqot b’mod partikolari lill-komunità reliġjuża waħda, li tkun qed tagħmel hu biss li toħloq aktar esklużjoni, preġudizzju u stigma. L-iskejjel għandhom ikunu postijiet fejn it-tfal jitgħallmu jirrispettaw id-differenzi, mhux fejn differenza reliġjuża ssir raġuni għall-umiljazzjoni jew l-esklużjoni.

Ir-razziżmu u l-intolleranza iridu jiġu miġġildin b’konsistenza. L-integrazzjoni ma tistax tfisser li persuna trid tabbanduna l-identità reliġjuża tagħha biex tkun aċċettata. Din hi sitwazzjoni li tista’ toħloq tensjoni legali ċara bejn id-deċiżjoni tas-sena 2008 u r-regola l-ġdida tal-iskejjel.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here