Il-fenomenu massiċċ ta’ El Niño ta’ din is-sena li seħħ inqas minn sentejn wara l-aħħar wieħed diġà kiser rekords tat-temperatura.
Biex nifhmu x’qed jiġri u għalfejn, il-gazzetta The Guardian intervistat lill-Professur Mat Collins, xjenzat tal-klima fl-Università ta’ Exeter, awtur ta’ wħud mill-aktar rapporti importanti dwar il-klima fid-dinja u espert fid-dinamika tal-fenomenu magħruf bħala ‘El Niño-Southern Oscillation’.
X’inhu l-El Niño?
Il-Professur Collins qal li l-El Niño huwa mudell tal-klima naturali li jaffettwa partijiet kbar tad-dinja, u li spiss iġib miegħu temperaturi għoljin kif ukoll aktar nixfa u għargħar.
Huwa mifhum li dan iseħħ meta l-ilmijiet tal-Lvant tal-Paċifiku li normalment ikunu kesħin u nexfin, jisħnu u jsiru aktar umdużi. Dan ibiddel ix-xejriet tax-xita fiż-żona tropikali tal-Paċifiku u jwassal għal impatti oħra ferm lil hinn minn hemm.
Normalment l-El Niño iseħħ bejn tlieta sa seba’ snin, iżda l-frekwenza tiegħu hija imprevedibbli ħafna. L-aħħar wieħed seħħ bejn is-snin tal-2023 u l-2024.
Kemm hu qawwi l-fenomenu tal-El Niño ta’ din is-sena?
L-El Niño’diġà kiser ir-rekords u jista’ jkun fi triqtu biex isir l-aktar wieħed qawwi f’dawn l-aħħar elf sena. It-temperatura tal-wiċċ tal-baħar fir-reġjun tal-Paċifiku affettwat minn El Niño diġà laħqet il-livell massimu li kien intlaħaq fl-2015 – jiġifieri 3°C ogħla mill-medja.
Dwar dan, il-Professur Collins enfasizza li madankollu, huwa diffiċli li titkejjel il-kobor tiegħu meta mqabbel ma’ fenomeni tal- El Niño tal-passat. Dan għaliex il-livell tat-temperaturi tal-wiċċ tal-baħar fil-parti tal-Lvant tal-Paċifiku tropikali qed jogħla b’mod kostanti minħabba t-tisħin globali.
Liema partijiet tad-dinja se jintlaqtu l-aktar?
Fil-quċċata tal-fenomenu El Niño, x’aktarx se jkun hemm aktar nirien fil-foresti fl-Indoneżja u nixfa fil-foresta tropikali tal-Amażonja. It-temperaturi x’aktarx se jkunu ogħla fir-reġjun tal-Paċifiku u anke fir-Renju Unit.
Bosta esperti f’dan il-qasam qd jgħidu li r-Renju Unit se jkollu ħarifa u xitwa b’aktar xita, u possibbilment rebbiegħa aktar niexfa u kiesħa.




