Eluf ta’ persuni jattendu l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Rockestra

Aqra wkoll

Eluf ta’ persuni, is-Sibt filgħaxija, attendew għal edizzjoni oħra ta’ Rockestra u gawdew spettaklu mill-aqwa talent lokali, iffurmat minn kantanti u żeffiena akkumpanjati mill-mużiċisti tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ta’ Malta.

Din is-sena, tliet Diretturi Mużikali li ħadmu mal-Maestro Aurelio Belli ngħaqdu flimkien u ddiriġew serata ffurmata b’mod speċjali minn mużika b’arranġamenti ta’ Maestro Belli.

Spikka fuq kollox it-tribut li ngħata lill-Maestro Belli, fosthom bl-interpretazzjonijiet tal-kanzunetti favoriti tiegħu minn martu Gloriana Arpa Belli, kif ukoll ir-rakkonti personali ta’ dawk li ħadmu miegħu, fosthom id-Direttur Artistiku Pawlu Borg Bonaci li fakkar fil-mumenti mill-isbaħ ma’ Aurelio Belli.

Rockestra ta’ din is-sena rat ir-ritorn tal-grupp Animae, li reġa’ ngħaqad għal din l-okkażjoni, minbarra Pawlu Borg Bonaci, Kenneth Calleja, Joe Roscoe, Gianni Zammit, Janice Debattista, Kersten Graham, Matthew James Borg, Karin Duff, Carmelo Ebejer, Petra Zammit, Joelene Samhan, David Lowe, Konrad Pule, Martina Borg, Pamela Bezzina, Klinsmann Coleiro, Ivan Grech, Frank Calleja, Chris Grech, Ira Losco u Gloriana Arpa Belli.

Fost mistiedna distinti oħra, għal din is-serata attendiet l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, kif ukoll l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela, u l-Ministri Malcolm Paul Agius Galea u Owen Bonnici.

F’messaġġ wara Rockestra, il-President ta’ Malta rringrazzjat lil kull min ħadem biex din l-edizzjoni kienet suċċess, u lil dawk kollha li attendew, u li bil-preżenza tagħhom ikkontribwixxew b’risq il-Malta Community Chest Fund.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport