Ir-Repubblika Ċeka rebħet it-12-il titlu tagħha tal-Billie Jean King Cup wara rebħa ta’ 2-0 fuq l-Ukrajna fil-finali li ntlagħbet f’Shenzhen.
Karolina Muchova u Linda Noskova kisbu ż-żewġ rebħiet meħtieġa biex iċ-Ċeki assiguraw it-titlu mingħajr ma kellha tintlagħab it-tielet logħba.
Muchova fetħet il-finali b’wirja dominanti kontra Anhelina Kalinina. Il-player Ċeka rebħet 6-2, 6-3 wara li ħadet kontroll tal-logħba mill-ewwel u żammet il-vantaġġ sal-aħħar. B’hekk, ir-Repubblika Ċeka marru 1-0 minn fuq u poġġew lill-Ukrajna taħt pressjoni.
Fit-tieni logħba, Noskova kellha kompitu aktar diffiċli kontra Elina Svitolina, in-numru 7 fid-dinja. Noskova rebħet l-ewwel set 6-3, iżda Svitolina rreaġixxiet fit-tieni set biex sfurzat tie-break. Madankollu, Noskova żammet in-nervożiżmu fil-mumenti kruċjali u rebħet it-tie-break 7-5 biex kisbet ir-rebħa u tat it-titlu lil pajjiżha.

Dan kien it-12-il titlu tar-Repubblika Ċeka fl-istorja tal-kompetizzjoni, li jpoġġiha fit-tieni post fost in-nazzjonijiet bl-aktar suċċessi, wara l-Istati Uniti li rebħu rekord ta’ 18-il darba.
Ir-Repubblika Ċeka rebħu l-ewwel titlu tagħhom fl-1975, meta kienu għadhom jikkompetu bħala ċ-Ċekoslovakkja. Wara rebħu wkoll fl-2011, 2012, 2014, 2015, 2016 u 2018.
Matul il-kampanja ta’ din is-sena, iċ-Ċeki għelbu lill-Italja, lill-Istati Uniti u lill-Ukrajna. L-Italja kienet rebħet l-aħħar żewġ edizzjonijiet, fl-2024 u fl-2025, filwaqt li l-Kanada kienet ħadet it-titlu fl-2023.
Il-kompetizzjoni bdiet fl-1963 bl-isem ta’ Federation Cup, saret magħrufa bħala Fed Cup fl-1995, u fl-2020 ingħatat l-isem ta’ Billie Jean King Cup.





