Sunday, September 27, 2026
Home Sport Tennis: Team Europe jirbħu s-sitt titlu tal-Laver Cup … b’Alexander Zverev jissiġilla...

Tennis: Team Europe jirbħu s-sitt titlu tal-Laver Cup … b’Alexander Zverev jissiġilla dan is-suċċess

0
59

Team Europe rebħu d-disa’ edizzjoni tal-Laver Cup wara rebħa konvinċenti ta’ 13-5 kontra Team World, biex kisbu s-sitt titlu tagħhom fil-kompetizzjoni.

L-avveniment beda b’mod bilanċjat, b’diversi logħbiet tal-ewwel jum jiġu deċiżi permezz tal-Laver breaker. Madankollu, Team Europe bdew jiddominaw hekk kif il-kompetizzjoni kompliet. Fost il-prestazzjonijiet ewlenin tal-ewwel jum kien hemm ir-rebħa impressjonanti tal-Ispanjol Rafael Jodar fuq Alexander Bublik, filwaqt li Carlos Alcaraz mexxa lit-tim Ewropew għal rebħa importanti fid-doubles biex itemmu l-ġurnata 3-1 minn fuq.

It-tieni jum kien wieħed mill-aktar memorabbli fl-istorja tal-Laver Cup. It-tliet logħbiet tas-singles ġew deċiżi fil-Laver breaker, b’Learner Tien jegħleb lil Flavio Cobolli qabel Alex de Minaur wettaq rimonta straordinarja kontra Alexander Zverev. Aktar tard, Alcaraz u Taylor Fritz offrew waħda mill-aqwa logħbiet li qatt rat il-kompetizzjoni. Iż-żewġ players kellhom match points, iżda kien Alcaraz li żamm il-kalma biex ta rebħa kruċjali lit-Team Europe.

Minn dak il-mument ’il quddiem, Team Europe ma ħarsux lura. Rebħa oħra fid-doubles fi tmiem it-tieni jum poġġiethom f’pożizzjoni ideali biex jissiġillaw it-titlu.

Fit-tielet u l-aħħar jum, Team Europe komplew juru s-superjorità tagħhom permezz ta’ rebħa oħra fid-doubles. Dan ħalliehom rebħa waħda biss ’il bogħod mit-trofew, u kien Alexander Zverev li għalaq il-kapitlu meta għeleb lil Learner Tien f’sets konsekuttivi biex ikkonferma t-trijonf Ewropew.

Għalkemm ir-riżultat finali juri distakk kbir bejn iż-żewġ timijiet, ħafna mil-logħbiet kienu bilanċjati u deċiżi biss fl-aħħar mumenti. Issa Team Europe għandhom sitt titli filwaqt li Team World għandhom tlieta. 

Il-kompetizzjoni se terġa’ ssir is-sena d-dieħla għall-10 anniversarju tagħha, bil-belt ta’ Los Angeles tospita l-edizzjoni speċjali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here