Friday, May 3, 2024

“Għandha tinqata’ d-distinzjoni bejn il-ħaddiema fl-istess post tax-xogħol” 

Il-GWU f’laqgħa mal-Ewroparlamentari Alex Agius Saliba

Aqra wkoll

“Il-General Workers’ Union tisħaq li l-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur għandu jkun suprem f’kull post ta’ xogħol. Ħaddiema tal-kuntrattur għandhom jingħataw l-istess kundizzjonijiet tax-xogħol bħal shabhom li huma  ingaġġati direttament mal-kumpaniji.” Iddikjara dan is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja waqt laqgħa ohra ta’ diskussjoni mal-Ewroparlamenatari Alex Agius Saliba fil-Workers’ Memorial Building, il-Belt Valletta. 

Fil-każ tar-teleworking/remote working qal li l-GWU temmen li l-aħjar mod huwa dak hybrid hekk kif huwa importanti minħabba solitudni, rutina, iżolament, speċjalment fejn jidħlu persuni b’diżabilità. Minn statistika li ħarġet riċentament minn studju li sar mill-GWU, ikkummissjonati mill-UE, ħareġ kemm batew in-nies b’diżabilità matul il-pandemija, hekk kif parti sostanzjali mill-ħin tagħhom f’kuntatt man-nies, fejn jissoċjalizzaw kien fuq il-post tax-xogħol. Madankollu s-Sur Bugeja semma’ s-sitwazzjoni problematika li qed tidher preżentament fejn ħafna reġgħu marru lura għas-sitwazzjoni ta’ qabel il-pandemija, fejn qed jordnaw lill-ħaddiema kollha jaħdmu biss minn fuq il-post tax-xogħol. Sitwazzjoni li qed tinħass globalment, u mhux fostna biss, hekk kif qed jidher li din qed taffettwa l-ekonomija.

Min-naħa tiegħu, Agius Saliba qal li meta tikkompara s-sitwazzjoni tal-ħaddiema f’Malta ma’ barra pajjiżna fejn jidħlu drittijiet tal-ħaddiema tara li r-rwol tal-General Workers’ Union huwa importanti ħafna, għalkemm fadal x’isir. 

“Illum b’differenza minn qabel ma nistgħux nieħdu for granted ħafna affarijiet. Illum jitnaqqar kollox. Jekk ma nkunux voċiferi għal dak li ġġieldu għalih ta’ qabilna se jintilef kollu. Ma rridux ninsew minn fejn tlaqna. L-irwol tal-GWU bħala l-ikbar trejd unjin f’Malta huwa kruċjali u essenzjali. Il-kuntatt magħkom huwa bżonnjuż hekk kif il-qasam soċjali u d-drittijiet tal-ħaddiema huwa wkoll parti integrali mix-xogħol tiegħi bħala Membru fil-Kumitat tax-Xogħol fil-Parlament.”

Fil-każ tal-liġi tar-right to disconnect, Dr Agius Saliba qal li l-Kummissjoni Ewropea waslet fi stat avvanzat li toħroġ bil-proposta tagħha quddiem il-Parlament. Huwa importanti li jkollna leġislazzjoni li torbot dan id-dritt.

Huwa offra l-għajnuna tiegħu u li jkun ta’ leħen għall-GWU fuq il-pjattaforma Ewropea fejn jidħlu d-drittijiet u l-għajnuna għall-ħaddiema f’Malta. Qal li jweġġa’ bil-mod kif ċerti ħaddiema jiġu trattati u talab li flimkien mal-GWU issir ħidma konġunta biex dawn l-abbużi jissewwew. Żied jgħid li fejn jidħlu d-drittijiet tal-ħaddiema, għalih m’hemmx kompromessi, huma prijorità totali. Jaqbel perfettament mal-General Workers’ Union (GWU fuq l-importanza ta’ sħubija mandatorja fi trejd unjin tal-għażla tal-ħaddiem, li għalih huwa punt bażiku biex jitnaqqsu l-abbużi. 

Temi oħra li ġew diskussi f’din il-laqgħa kienu kif il-Green Deal se taffettwa lill-ħaddiema, il-prezzijiet tal-proprjetà, id-differenzi fil-prezzijiet tal-oġġetti, id-differenzi bejn il-ħaddiema tal-kuntratturi u taċ-Ċivil, il-platform workers u l-Work Regulations Order fost oħrajn. Issemmiet ukoll l-ikbar pjaga li qed tbeżża’ u tinkwieta lin-nies, l-għoli tal-ħajja, xi ħaġa li mhijiex ġejja mill-Gvern ta’ Malta.

Waqt il-laqgha s-segretarji kollha taw rendikont tal-problemi li qed jifficjaw l-haddiema kollha, problemi relatati ma’ xoghol, sahha u sigurtà, gholi tal-hajja, ambjent, sigurtà tal-impjieg fost affarijiet ohra.  

Preżenti f’isem il-GWU kien hemm ukoll l-Amministrazzjoni u s-Segretarji tat-Taqsimiet kollha tal-General Workers’ Union.

Sport