Tuesday, May 14, 2024

Il-Ministri tal-Enerġija tal-Med9 jilħqu ftehim biex iniedu hub ta’ enerġija nadifa fil-Mediterran

Aqra wkoll

Permezz ta’ ftehim storiku, il-ministri tal-enerġija tal-pajjiżi Med9 ikkommettew li jagħmlu r-reġjun Mediterranju hub ta’ enerġija nadifa li jista’ jixpruna l-impenn tal-Unjoni Ewropea lejn Ewropa dekarbonizzata, b’settur tal-enerġija indipendenti.

Il-Ħamis, il-ministri tal-enerġija tal-pajjiżi tal-UE fil-Mediterran iltaqgħu f’Malta għall-ewwel Laqgħa tal-Ministri tal-Enerġija tal-Med9. Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli mexxiet il-laqgħa bis-sehem tal-Kummissarju Ewropew għall-Enerġija Kadri Simson, flimkien ma’ delegazzjonijiet ministerjali mit-tmien pajjiżi Mediterranji l-oħra; il-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Portugall, is-Slovenja u Spanja.

Id-disa’ pajjiżi ffirmaw il-Malta Statement, dikjarazzjoni konġunta li tniedi l-viżjoni tar-reġjun Mediterranju bħala hub tal-enerġija nadifa, biex jaċċelleraw l-impenn tal-Unjoni Ewropea lejn futur dekarbonizzat u indipendenti fl-enerġija. Il-pajjiżi tal-Med9 qablu li l-Mediterran jista’ jkun ċentru ta’ investimenti ta’ enerġija rinnovabbli b’enfasi fuq sistemi ta’ enerġija rinnovabbli offshore u interkonnessjonijiet tal-enerġija ġodda bejn pajjiżi tal-UE fil-Mediterran u pajjiżi oħrajn fl-istess reġjun, sabiex jiffaċilitaw l-investiment Ewropew fl-enerġija nadifa.

L-istqarrija konġunta tiddefinixxi wkoll diversi azzjonijiet. Il-pajjiżi tal-Med9 se jniedu kumitat biex jaħdmu flimkien u jippjanaw it-triq ’il quddiem biex il-Mediterran isir hub ta’ enerġija nadifa. Dan l-impenn se jwassal għal iktar tkabbir ekonomiku u iżjed impjiegi fl-istess reġjun.

Il-ministri tal-enerġija stiednu lill-Kummissjoni Ewropea biex twettaq studju komprensiv tal-potenzjal ta’ kurituri ta’ enerġija nadifa li jistgħu jgħaqqdu lill-Ewropa mal-potenzjal ta’ enerġija rinnovabbli fil-pajjiżi ġirien fl-Afrika ta’ Fuq. Talbu wkoll lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-iffinanzjar ta’ proġetti għall-iżvilupp ta’ dawn l-interkonnessjonijiet. Il-ministri qablu wkoll li jipprijoritizzaw l-investimenti tagħhom f’soluzzjonijiet ta’ enerġija rinnovabbli, bħal sistemi offshore, sistemi ta’ pannelli solari, il-produzzjoni u t-trasport tal-idroġenu rinnovabbli u sistemi ta’ ħażna tal-enerġija.

Finalment, il-Malta Statement tafferma wkoll li d-disa’ pajjiżi se jaħdmu biex jiżguraw li kull stat membru jkun jista’ jibbenefika mill-potenzjal ta’ enerġija nadifa tar-reġjun Mediterranju.

Il-Ministru Miriam Dalli qalet, “Illum qed nagħmlu l-ewwel pass biex ningħaqdu flimkien u naħdmu aktar bħala pajjiżi tal-Med9, flimkien ma’ msieħba oħra fil-Mediterran. Illum qed nirrikonoxxu li l-investimenti fl-infrastruttura tal-enerġija rinnovabbli m’humiex sempliċiment impenn li jħares ’il quddiem b’għanijiet fit-tul. Dawn l-investimenti huma l-aħjar soluzzjoni għall-isfidi tagħna llum. Malta qed taħdem biex tilħaq il-miri tal-enerġija u l-klima tagħha, hekk kif qed inħarsu ’l quddiem lejn investimenti ġodda fir-rinnovabbli offshore u f’sistemi tal-ħażna tal-enerġija, u biex nirduppjaw l-interkonnessjoni tagħna mal-Ewropa, għal iżjed sostenibbiltà u sigurtà fis-snin li ġejjin.”

Il-Kummissarju Ewropew Kadri Simson qalet, “Id-diskussjonijiet li kellna llum fil-Belt Valletta jaħbtu mal-ewwel anniversarju ta’ REPowerEU, li l-Kummissjoni varat biex taċċellera l-iżvilupp tar-rinnovabbli u biex iżżid l-investiment fl-effiċjenza fl-enerġija, filwaqt li tiddiversifika l-provvisti u s-sorsi tal-enerġija. REPowerEU hija storja ta’ suċċess għall-Mediterran. Fl-aħħar sena rajna żvilupp rekord ta’ sistemi ta’ enerġija rinnovabbli f’dan ir-reġjun. Illum din l-ambizzjoni qed tiġi kkonfermata mill-ġdid, u l-Kummissjoni se tibqa’ disponibbli biex tgħin fejn hemm bżonn, filwaqt li tassisti fil-mixja lejn hub ta’ enerġija nadifa fil-Mediterran.”

Sport