Tuesday, February 4, 2025

Għandi ambizzjonijiet kbar biex nikseb riżultati tal-ogħla livell globali – Matti Cristiano Ruggier

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

L-imħabba tiegħi lejn l-atletika bdiet fiż-żmien fejn kont nippratika l-arti marzjali li jissejjaħ ‘kickboxing’, fejn madwar l-etá ta’ 14-il sena, kont ħassejt li għandi potenzjal fil- ġiri fit-tul, primarjament waqt li kien ikollna taħriġ li jinvolvi l-ġiri bħala parti mill-preparamenti tagħna. Wara ftit żmien, iddeċidejt li niffoka fuq l-atletika speċifikament, u bdejt nikseb riżultati pożittivi fil-kategorija tal-Juniors (etá ta’ taħt l-20 sena), il-maġġor parti fid-distanzi tal-800m, 1500m u 5000m. Apparti l-aspett fiżiku, l-atletika tatni mezz biex inżomm ruħi dixxiplinat u tatni dak li nsejħulu “skop” jew missjoni.  B’hekk tatni benefiċċiji fuq livell kemm mentali kif ukoll psikoloġiku, li ġew akkwistati mill-valuri u prinċipji li titgħallem mit-taħriġ u kompetizzjonijiet kif tesperjenza fl-irwol ta’ atleta.

Kif għazilt li tispeċjalizza fil-Hyrox u l-OCR?

L-oriġini tiegħi fl-atletika kien fil-Middle Distance: 800m u 1500m speċifikament, iżda apparti t-taħriġ tal-ġiri, kelli mħabba kbira lejn it-taħriġ tal-piżijiet (Weights Training / Strength Training) fil-gym. Meta kelli xi 15-il sena, kont bdejt ngħallem lili nnifsi kif għandi nitħarreġ biex intejjeb is-saħħa fiżika tiegħi, fil-gym tal-Giovanni Curmi Higher Secondary School. Fost drabi oħra, niftakar li kont inkun qieghed nitħarreg ma’ xi ħbieb studenti, waqt xi brejk jew ġieli minflok xi lecture, u kont ngħid li jekk xi darba ikun hemm tellieqa li tirrikjedi li tiġri u tagħmel eżercizzji bil-weights fl-istess avveniment, dik kienet tkun it-tellieqa ideali tiegħi. Sahansitra, komplejt  fuq niffoka fuq l-Atletika fil-800m, 1500m u 5000m, għal tul ta’ snin sas-sena 2020, fejn f’dik is sena, skoprejt l-OCR grazzi għal ‘teammate’ tiegħi li llum huwa wieħed mill-kowċis tiegħi tal-OCR. Mill-ewwel sessjoni ta’ taħriġ miegħu, iddeċidejt li neqleb iktar fuq OCR għax ħassejt li kelli bżonn bidla u mira ġdida fl-atletika. Il-ġibda lejn il-Hyrox ġiet tliet snin wara, meta f’Mejju tal-2023, waqt OCR Training Camp ġo Ruma, kont rajt video ta’ tellieqa tal-Hyrox fuq l-Instagram, u wara ftit ħin nirrifletti iddeċidejt napplika għall-Pro Ctaegory Race ta’ Rimini f’Ġunju tal-2023. Minn dik l-ewwel tellieqa ta’ Ġunju ħassejt illi sibt l-avveniment ideali għalija fejn nista’ nutilizza s-saħħiet u t-talenti tiegħi bl-aħjar mezz possibli.

X’suċċessi maġġuri rbaħt fil-karriera tiegħek sa issa?

Barra minn xtutna, l-aqwa riżultati li ksibt s’issa fil-Hyrox kienu l-ħames post fl-Age Group tiegħi fi tliet itlielaq (Hyrox Rimini 2023, Hyrox Milan 2023, Hyrox Rimini 2024), filwaqt li fl-OCR f’April tal-2024 ksibt is-seba’ post fl-Age Group tiegħi fi Spartan Gubbio fit-tellieqa debuttiva tiegħi u s-sitt post fl-Age Group tiegħi fit-tellieqa ta’ Spartan Malta. Lokalment, għandi numru konsiderevoli ta’ titli tal-U20 Category/Juniors f’distanzi li jvarjaw mill-800m u l-1500m fuq it-Trakka sa 5Km u 10Km Road Races.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Ħa nibda billi ngħid illi nħossni tassew kburi bil-livell ta’ dedikazzjoni u “willpower” li għandhom l-atleti lokali, li għalkemm ħadd mhu professjonali (jiġifieri jitħallsu ammont li tista’ tgħix biss jew il-maġġor parti mill-ħajja atletika),  jirnexxielhom jiksbu riżultati ta’ livell tajjeb u rispettabli ħafna. Personalment, inħoss illi fl-industrija tal-Isport u l-Fitness f’pajjiżna, f’dawn l-aħħar snin qegħdin ngħollu l-livell u dejjem qegħdin naqdfu ‘l quddiem minn diversi aspetti, fosthom l-izvilupp ta’ ċentri ta’ livell ogħla għat-taħriġ (gyms, tagħmir, faċilitajiet sportivi), iktar nies professjonali u speċjalisti f’oqsma sportivi differenti bħal Strength & Conditioning Coaches, Sports Nutritionists, Sports Rehab Professionals, Sports Psychologists u Exercise Physiologists, u sħubijiet jew avvenimenti kollabborattivi ma’ kowċis barranin u iktar esperjenzati.

Peró, nixtieq ngħid illi nħoss li għandna sfida quddiemna li żżommna lura milli nkunu nistgħu nilħqu l-ambizzjonijiet kompetittivi tagħna bħala pajjiż sabiex inkomplu niksbu riżultati sportivi prominenti, bil-mira li nilħqu l-ogħla livell possibli. Inħoss li ma naħdmux biżżejjed flimkien, u ma naqsmux l-għerf, riżorsi u kompetenzi tagħna ma’ xulxin. Naturalment, dan ma japplikax għal kulħadd, għax hemm timijiet u entitajiet li jissieħbu flimkien bl-għan illi jgħinu lil xulxin li rnexxielhom joħolqu komunitajiet ferm b’saħħithom. Il-mentalitá  ta’ “Us vs Them”, naraha li ma tagħmilx sens fl-istampa akbar, għaliex meta mmorru nikkompetu barra minn xtutna kemm fil-Hyrox kif ukoll fl-OCR, aħna nkunu qegħdin nirrapreżentaw lil Malta primarjament, qabel it-tim u l-klabb li niffurmaw parti minnu. Il-kompetizzjoni lokali tgħin, għax b’hekk nimbuttaw lil xulxin biex dejjem nimmiraw għal iktar, biss dan irid isir b/mod illi ma nkunux ta’ detriment għal xulxin bi skopijiet personali u distruttivi. Kieku verament naħdmu flimkien u niġbdu l-istess ħabel, ma narax għalfejn ma nistgħux nilħqu l-ogħla livelli possibli fl-isport. “Mindset is Everything” u dan jgħodd mhux biss għall-atleti u l-kowċis, iżda wkoll għan- nies u l-entitatijiet li huma diġá, jew jistgħu ikunu involuti fid-dinja tal-isport.

U dak tar riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?

Personalment, inħoss illi bħala faċilitajiet sportivi għall-Hyrox u OCR għandna każ fejn qegħdin jiżdiedu dawn iċ-ċentri u wkoll għandna diġá ammont konsiderovoli li huma ta’ livell tajjeb. Hemm iktar xogħol xi jsir minn dan l-aspett … hemm bzonn iktar għajnuna u investiment fl-isport lokali, kemm mill-Gvern u s-settur privat għall-atleti, professjoni fil-qasam tal-sport u fitness, u l-operaturi tal-faċilitajiet sportivi / tal-fitness. Bħala riżorsi umani, għandna l-ikbar ammont ta’ nies kwalifikati u esperjenzati fl-isport li qatt kellna, b’nies jistudjaw u jispeċjalizzaw f’oqsma differenti kemm lokalment, u anke barra minn xtutna, f’universitajiet rinomati għall-korsijiet tagħhom fuq l-Isport u l-Eżerċizzju.

Għandu jingħad imma, illi għandna każ fejn bħalissa għandna ħafna kowċis / trainers (kwantitá kbira) imma jkun spiss il-każ li l-kwalitá ma tkunx fuq l-istess livell. Biex tkun kowċ / trainer ta’ kwalitá f’qasam sportiv, jeħtieġ taħriġ u edukazzjoni professjonali fl-isport jew qasam speċifiku. Ta’ sikwit naraw illi jkun hemm kowċis mingħajr ċertifikat, jew li jkunu jispeċjalizzaw fi sport ieħor, jew f’tip ta’ taħriġ totalment differenti li minn ġurnata għall-oħra jagħmluha fatta illi għandhom il-ħiliet neċessarji sabiex ikunu kowċis tal-ogħla livell, f’dan il-każ fi sport bħal Hyrox u OCR. Għalkemm il-prinċipji tax-xjenza tal-isport u l-eżercizzju huma l-bażi ta’ kull sport jew attivitá fiżika, huwa importanti illi f’irwol ta’ kowċ, l-atleti jew klijenti jigu ggwidati sew, mhux neċessarjament għal raġunijiet kompetitttivi imma biex ikunu jistgħu jitħarrġu b’mod effettiv, sigur u progressiv sabiex it-taħrig li jagħmlu jikkontribwixxi biex ikunu b’saħħithom għal tul ħajjithom, speċjalment fil-ħajja u attivitajiet ta’ kuljum.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Fil-snin li ġejjin, qiegħed narani niffoka iktar fuq l-isport tal-Hyrox sabiex nilħaq il-potenzjal u l-ambizzjonijiet kompetittivi tiegħi f’dan l-isport. Għandi ambizzjonijiet kbar biex nikseb riżultati tal-ogħla livell globali u biex nitfa’ lil Malta fuq il-mappa qalb il-pajjiżi u atleti fl-ogħla livell. Biex nilħaq dan l-għan, għażilt dak li nħoss huwa l-aqwa tim/persuni lokali biex jiggwidawni sabiex nilħaq il-potenzjal tiegħi f’diversi aspetti: Taħrig tal-Ġiri (Running Training), Taħriġ tas-Saħħa (Strength Training), Irkuprar u Manutenzjoni (Recovery & Rehab), Preparamneti Psikoloġici (Sports Psychology) u fiż-żmien li ġej anke l-aspett ta’ Nutrizzjoni. Apparti dawn, ingħaqadt ma’ tim prominenti barra minn xtutna fil-Portugall li għandhom tim kbir ta’atleti li jikkompetu fil-Hyrox, b’atleti u kowċis tal-ogħla livell b’ħafna esperjenza bl-għan li nitgħallem kemm nista’, intejjeb ruħi bħala atleta u nikber bħala persuna b’mod ħolistiku.

Nixtieq niringrazzja lit-tim ta’ nies li jgħinuni gimgħa wara l-oħra, li mingħajrhom ma nkunx fejn jien illum u se nasal, speċjalment lil Wildlings OCR Team Malta, UN1T Malta, Rise Fitness & Performance u TLW (The Lousa Way). Ukoll inħossni dovut illi nirringrazzja lill-familja tiegħi, l-aqwa ħbieb tiegħi u l-atleti li nitħarreġ magħhom ġimgħa wara l-oħra flimkien, is-sapport / appoġġ tagħhom ifisser ħafna għalija.


Nixtieq li l-vjagg tiegħi t’atleta ikun ta’ ispirazzjoni għal nies oħra, kemm l-atleti tal-futur u anke kurrenti. Nixtieq nuri illi fil-ħajja kapaċi tilħaq dak li taspira għalih, jekk int lest twettaq verament kollox sabiex il-ħolma tiegħek issir realtá. Wara li nirtira mill-ħajja tiegħi kompetittiv ta’ atleta, narani, anzi, narah bħala dover, illi naqsam il-lezzjonijiet li tgħallimt matul il-karriera atletika tiegħi f’oqsma differenti fil-ħajja fejn jistgħu jiġu applikati.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jaghmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

Biex tikseb is-suċċess jew tilħaq l-ambizzonijiet tiegħek, trid tistinka, taqdef u tagħmel ħafna sagrifiċċji. Trid temmen fik innifsek kuljum (dan hu rwol ‘full-time’), speċjalment fil-mumenti l-iktar diffiċli, li b’mod garantit se jkunu parti mill-kapitlu tal-ħajja kompetittiiv ta’ atleta. Ibqa’ kurjuż u staqsi, u żomm moħħok miftuħ biex tkompli titgħallem minn atleti, kowċis u esperti oħra. Tieqaf tagħmel il-progress meta tieqaf tanalizza u tfittex mezzi aħjar biex tikseb ir-riżultati li tixtieq. L-iktar prinċipju kruċjali ta’ atleta, nemmen hu li tkun dixxiplinat, konsistenti u tapplika ruħek bl-akbar dedikazzoni u enerġija ffukata, bl-Ingliż inħobb ngħid: “Honest, Consistent, Applied & Focused work is the key to achieving results.”

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport