Friday, December 27, 2024

“Għandi ħafna għalxiex inkun rikonoxxenti lejn Edwin… tgħallimt ħafna mingħandu”

Il-Parlament isellem il-memorja tal-Prof. Edwin Grech

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Parlament sellem il-memorja tal-eks Ministru Laburista, il-Prof. Edwin Grech, li ħalla din id-dinja nhar il-15 ta’ Marzu li għadda fl-età ta’ 94 sena. Fost dawk li tkellmu waqt l-għoti tal-kondoljanzi kien hemm id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, li jiġi n-neputi tal-mibki Edwin Grech, id-Deputat Laburista Michael Farrugia u l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne sostna li huwa għandu ħafna għalxiex ikun rikonoxxenti lejn il-Prof. Grech billi kien għallmu ħafna b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa u anke fil-politika. “Bħali eluf ta’ familji Maltin, rikonoxxenti għall-mod ta’ kif fl-iżjed żminijiet diffiċli anke personali għalih ta s-servizz lill-pajjiż, salva l-ħajjiet.”
Fearne żied jgħid li l-Prof. Grech kien bniedem rett, dixxiplinat, intelliġenti u jaħdem ħafna. Qal ukoll li lil Edwin għamlulu l-agħar ħaġa, dik li qatlulu lil bintu għal raġunijiet politiċi.
Fakkar ukoll kif l-għada li seħħ il-każ, mar l-Isptar San Luqa iwelled it-trabi ta’ nies oħra u mar l-iskola medika jgħallem liż-żgħażagħ u lit-tfal ta’ nies oħra. “Mhux bniedem trid tkun biex tagħmilha dik imma ġgant. Li titlef lil bintek u l-għada tkompli tagħti s-servizz, l-istess servizz li bintek tilfet ħajjitha għalih.”
Fearne kompla jgħid li Edwin Grech iddeċieda anke wara dan l-avveniment li jiddedika ruħu anke fil-qasam politiku, fejn fl-1996 kien ukoll Ministru tas-Sigurtà Soċjali.
Id-Deputat Prim Ministru temm jgħid li Edwin Grech jibqa’ msemmi mhux biss fost l-istudenti tal-mediċina, it-tobba u l-pazjenti imma msemmi fl-istorja tal-politika soċjali ta’ Malta għall-ġid kbir li għamel anke fil-qasam politiku.

Ekonomija

Sport