Saturday, May 4, 2024

“Kien l-eroj tiegħi għax kien dak it-tabib, iz-ziju, li salvali ħajti”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech isellem il-memorja ta' zijuh

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni ddeskriva lil zijuh bħala l-eroj tiegħu għaliex kien dak it-tabib li salvalu ħajtu, għax li kieku ma kienx għalih, huwa ma kienx jitwieled. Qal li kien ukoll l-eroj tiegħu għax kien iħares lejh bħala dak iz-ziju li mar l-Università, tgħallem, sar tabib eventwalment professur u ddistingwa ruħu b’eċċellenza f’dak li għamel.

Huwa kompla jgħid li meta Karin inqatlet kellu biss sitt snin. Qal li ma kinux ħadux fuq ix-xena ta’ fejn seħħ il-qtil, però jiftakar lil ħuh, li dak iż-żmien kellu 17-il sena jirrakkonta kif kien ra lill-kuġina tagħhom. 

“Dan kien mument illi mmarka mhux biss liz-ziju imma lill-familja kollha. Kien qtil li z-ziju baqa’ ma rkuprax minnu. Għax kien iħoss illi kien qisu tort tiegħu għax għamel dak il-ġest nobbli. It-tort imma ta’ dawk il-viljakki, kodardi, kriminali li ddeċidew mod ieħor. Jekk intom għadkom qed tisimgħu, imisskom tistħu,” saħaq Grech. 

Fakkar ukoll kif zijuh għamel 45 sena jfittex il-verità filwaqt li kien jemmen li permezz tal-politika u l-kuntatti fil-politika, seta’ jiskopri l-verità. Qal li Edwin Grech baqa’ ħajtu kollha dispjaċut u jħossu tradut, li ħadd qatt ma sab min qatel lil bintu.

“Naħseb li għandna nitgħallmu bħala politiċi li meta nipprovaw nostru l-verità, wara dak il-verità hemm feriti li ma jitfejqu qatt jekk dik il-verità ma toħroġx,” tenna l-Kap tal-Oppożizzjoni.

L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti wkoll sellem il-memorja tal-Prof. Grech li ddeskrivieh bħala persuna li kien ikun dejjem disponibbli biex jgħin lil ħaddieħor. Qal ukoll li meta kienu jitkellmu d-diskors kien jaqa’ fuq bintu, u li l-aktar ħaġa li kienet tinkwetah kienet kif l-investigazzjoni, anke meta jkun hemm xaqq ta’ tama, xorta waħda iżda ma jkunx hemm dak l-iżblokk fil-każ.

Sport