Friday, May 17, 2024

Il-gvern qed jipproponi li t-total tas-sigħat addizzjonali tal-arrest ma jaqbiżx l-54 siegħa

Il-Ministru Attard jisħaq li l-estenzjoni tal-arrest għandha tkun eċċezzjoni u mhux norma

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt il-ħin tal-winding up dwar l-abbozz ta’ liġi relatat mal-estenzjoni f’ċertu ċirkostanzi tal-perjodu ta’ arrest ta’ 48 siegħa, il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard fakkar li din mhux se tkun deċiżjoni unilaterali tal-pulizija fuq kemm persuna għandha tinżamm arrestata. Huwa spjega dwar il-fatt li se tkun il-Maġistrat li tgħarbel it-talba u skont in-neċessità tal-każ tieħu d-deċiżjoni.

Attard qal fil-parlament li l-approċċ ġenerali kien wieħed favur din l-emenda u li kien hemm qbil fuq il-ħtieġa li jkun hemm dan l-intervent leġiżlattiv.

Il-Ministru tenna li hu beda u jibqa’ jenfasizza l-premessa li din għandha tkun eċċezzjoni u mhux in-norma. Qal ukoll li din mhux se tkun emenda li se tbiddel xi ħaġa mil-liġi tal-police bail.

Il-Gvern laqa’ numru ta’ proposti u fehmiet fir-rigward tal-abbozz inkluż dawk tal-assoċjazzjoni tal-ġudikatura u fil-fatt fi stadju ta’ kumitat, se jkun qed iressaq ’il quddiem l-emendi elenkati. 

– L-ewwel emenda se tirrigwardja t-total ta’ perjodu massimu ta’ sigħat. Hawnhekk il-gvern qed jipproponi li t-total ta’ sigħat addizzjonali ma jaqbiżx it-total ta’ 54 siegħa (minbarra t-48 siegħa).

– Se nkunu titressaq ukoll emenda fir-rekwiżiti biex fit-talba għall-estensjoni taż-żmien li fih persuna tinżamm arrestata, ikun dikjarat il-ħin meta skatta l-arrest. Se tiddaħħal definizzjoni ta’ x’jikkostitwixxi pulizija li jagħmel l-arrest biex jiġi evitat kwalunkwe dubju.

-Il-Ministru qal li l-abbozz huwa intiż li jipprovdi bilanċ xieraq bejn il-protezzjoni tal-pubbliku u l-garanziji tad-drittijiet tal-persuna. Huwa proprju għal dan l-għan li se jkun jipproponi salvagwardja biex bejn l-għeluq tat-48 siegħa u l-ħin sa meta jinstema’ r-rikors, il-persuna li tkun taħt arrest ma tistax tkompli tiġi interrogata.

Filwaqt li kompla jisħaq dwar il-bżonn li dan ikun mezz għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali, saħaq li l-gvern se jkun qed jagħmilha ċara daqs il-kristall rigward numru ta’ punti relatati mal-proċedura li trid tiġi segwita inkluż li tkun waħda sommarja u li d-deċiżjoni tal-maġistrat ma tkunx soġġetta għal appell u tkun esegwita minufih.

Sport