Sunday, November 24, 2024

“Għandi kuxjenza safja li dejjem aġixxejt b’mod korrett f’kull ċirkostanzi”

Aqra wkoll

Hekk kif dalgħodu kompliet tinstema l-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia, xhud ieħor kien Dr Mark Gauci, li qal li ilu Kap Eżekuttiv tal-OHSA sa mit-twaqqif tagħha, jiġifieri minn Ġunju tal-2001. Huwa qal li f’inqas minn xahrejn se jkun irtira u li mhux involut fil-proċess ta’ min se jinħatar warajh.

Mistoqsi jekk hux se jirtira seren mill-kariga, huwa wieġeb fl-affermattiv. Qal li huwa dejjem ħadem u aġixxa bil-mod tiegħu u qatt ma ta l-ebda parir b’motivazzjoni politika jew kontra l-aħjar interessi tas-saħħa u s-sigurtà.

“Għandi kuxjenza safja li dejjem aġixxejt b’mod korrett f’kull ċirkostanzi. Jiena uman u għamilt żbalji, imma meta saru ma kinux intenzjonati u dejjem rajt li nirranġa mill-ewwel fejn għamilt żball,” żied jistqarr Dr Gauci.

Huwa spjega wkoll li mhux minnu li l-inċidenti żdiedu. Spjega wkoll li l-fatalitajiet f’pajjiżna fuq il-post tax-xogħol iridu jittieħdu f’kuntest hekk kif żdiedu n-numtu ta’ ħaddiema. Fil-bidu tal-OHSA kien hemm 100,000 ħaddiema madankollu s-sena li għaddiet kien hemm 280,000.

Dwar jekk il-maġġoranza tal-fatalitajiet sarux fis-settur tal-kostruzzjoni, Gauci wieġeb fl-affermattiv, bi 72%.

L-inkjesta pubblika tkompli llum. Sadanittant, fi stqarrija, il-Bord tal-inkjesta pubblika ħabbar li kull min jixtieq jixhed f’din l-inkjesta għandu jibgħat email fuq [email protected].

Il-Borg qal li kull persuna li tixtieq tixhed taħt ġurament fl-inkjesta għandha tagħmel dan sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu li ġej. Għandu jintbagħat email bl-isem u l-kunjom tal-persuna, l-indirizz tiegħu, il-kartà tal-identità u jirreferi għall-provi li beħsiebu jippreżenta fl-inkjesta.

Sport