GĦANDNA NIBQGĦU NIBŻGĦU GĦAL L-AMBJENT

Aqra wkoll

Meta nitkellmu fuq l-ambjent m’għandniex nifhmu biss, dak naturali imma wkoll l-ambjent fit-totalità tiegħu nkluż il-ħarsien tal-karatteristiċi li jsawru l-ibliet u l-irħula tal-gżejjer Maltin. 

Quddiem dan, naqblu mal-ħtieġa li jkomplu jitjiebu r-regolamenti fejn tidħol il-kostruzzjoni, fejn il-bini ġdid ikun magħmul b’mod sostenibbli u b’hekk tonqos il-pressjoni fuq l-enerġija. Nifmu li l-Gvern dawn qiegħed iwettaqhom u nemmnu li dan għandu jibqa’ miexi bil-politika tiegħu li fejn jista’ u kemm jista’ jżid l-ispazji miftuħa u żoni mħaddra fil-komunitajiet tagħna. 

F’pajjiż ċkejken bħal tagħna, l-iżgħar problemi jidhru kbar. B’danakollu ma jfissirx li ma nistgħu nsibu soluzzjonijiet għalihom. Hemm bżonn ukoll illi l-ġibjuni jkomplu għaddejjin minn proċessi ta’ manutenzjoni biex ħafna mill-ilma tax-xita jinġabar u mhux jinħela fit-toroq jew fl-ibħra li jdawruna.  Huwa importanti wkoll li kemm jista’ jkun jiġi evitat l-użu tal-fjuwils fossili li huma l-parti l-kbira tal-ħsara ambjentali li qed issir u li qed twassal għal konsegwenzi gravi fuq l-umanità fosthom it-tibdil fil-klima. 

Billi Malta għandha territorju żgħir, il-proġetti ta’ offshore windfarms huma ambizzjużi fejn jidħol l-enerġija rinovabbli u allura t-tħaris tal-ambjent. Dan huwa pass ieħor sinifikanti biex Malta tilħaq il-miri tal-Unjoni Ewropea f’dak li jirrigwardja t-tnaqqis tal-emissjonijiet.

Fl-istess waqt, issa li ninsabu fl-eqqel tas-sajf, għandu jkun hemm kuxjenza akbar min-naħa tan-nies li jmorru fuq il-bajjiet biex kemm jista’ jkun iħallu nadif il-post li jkunu fih. Għalhekk kulħadd huwa fid-dmir li jagħmel dak li jista’ biex lill-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu warajna jsibu pajjiż ferm aħjar milli sibnieh aħna.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport