Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, żar l-Elysium Habitat Restoration Hub, f’Għajn Tuffieħa, fejn seta’ jara mill-qrib il-ħidma mwettqa minn Ambjent Malta favur it-tisħiħ tal-bijodiversità u l-ambjenti naturali ta’ pajjiżna.
Matul iż-żjara, il-Prim Ministru u l-Ministru Dalli żaru ż-żoni, inklużi serer fejn jitkabbru u jiġu indukrati siġar, arbuxelli u pjanti indiġeni qabel jiġu trasferiti biex eventwalment jitħawlu madwar Malta u Kemmuna.
Huma ltaqgħu wkoll mal-ħaddiema ta’ Ambjent Malta u tkellmu magħhom dwar l-inizjattivi li qed jitwettqu biex jiġu riabilitati l-pajsaġġi naturali u titjieb il-kwalità tal-ambjent naturali ta’ pajjiżna f’diversi siti.
Mill-Elysium Habitat Restoration Hub jaħdmu 20 ħaddiem ta’ Ambjent Malta li jwettqu diversi xogħlijiet ambjentali, fosthom it-tħawwil ta’ siġar u veġetazzjoni indiġena u Mediterranja adattata għall-klima Maltija, ir-restawr ta’ ambjenti degradati u l-manutenzjoni kontinwa ta’ diversi siti.
Din il-ħidma tgħin biex tissaħħaħ ir-reżiljenza ekoloġika ta’ pajjiżna u jinħolqu spazji aktar ħodor li jistgħu jgawdu l-familji u ġenerazzjonijiet futuri.
L-Elysium Habitat Restoration Hub għandu wkoll funzjoni edukattiva. Dan hekk kif il-viżitaturi fosthom tfal li jżuru dan il-hub għandhom l-opportunità li jitgħallmu aktar dwar in-natura, il-bijodiversità u l-importanza li nħarsu l-ambjent ta’ madwarna.
Il-Prim Ministru Robert Abela temm din iż-żjara b’diskussjoni informali mal-ħaddiema, fejn matulha ġiet rikonoxxuta l-ħidma professjonali u kontinwa tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħarsien tal-bijodiversità u l-ambjent naturali ta’ pajjiżna.
