Monday, December 23, 2024

“Għandna nistennew baġit b’ruħ soċjali, li se jkompli jindirizza l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema u l-ħarsien tal-impjiegi ”

Aqra wkoll

Jgħid dan il-Ministru Carmelo Abela

Hekk kif illum jitħabbar il-baġit 2021, l-ewwel baġit taħt l-amministazzjoni immexxijja minn Robert Abela bħala Prim Ministru, Inewsmalta tkellmet mal-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, deskasteru ġdid f’Kastilja li fost ir-responsabbiltajiet jinkludu t-Twettieq tal-Manifest Elettorali, l-Iżvilupp Sostenibbli, x-Xandir Nazzjonali, d-Djalogu Soċjali u l-Kundizzjonijiet tax-Xogħol tal-ħaddiema.

Fl-aħħar jiem inti kellek l-opportunità li tpoġġi biswit il-Prim Ministru Robert Abela għal għadd ta’ laqgħat ma’ diversi korpi kostitwiti, unions u għaqdiet. X’inhi l-istennija għall-baġit 2021?

Huwa ċar li hemm stennija kbira għal dan il-Baġit speċjalment fil-kuntest li qiegħdin fih. Dan hekk kif in-nies qed tistenna l-miżuri ta’ appoġġ u riġinerazzjoni li jmiss wara 4 mini-budgets li diġa kellna din is-sena. Rajna kif kull entità li ltqajna magħha irrimarkat fuq l-effett pożittiv li kellhom l-għajnuniet tal-Gvern matul il-COVID. Sidien ta’ ristoranti ħwienet u lukandi li irringrazzjaw lill Gvern għal-iskema tal-Wage Supplement u l-vouchers li kienu kruċjali biex ġew salvati l-impjiegi u b’hekk salvata l-kwalita’ tal-ħajja ta’ ħafna nies f’mument tant diffiċli. Il-fatt li ħafna nies żammew il-post tax-xogħol tagħhom waslet wkoll biex ikollhom il-fiduċja li jonfqu.

  • Fi kliemek, kif tiddeskrivi l-baġit 2021? 

Baġit b’ruħ soċjali li ser ikompli jindirizza l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u li jara li l-impjiegi jkomplu jiġu salvati, hekk kif ġara matul il-pandemija. Jekk wieħed iħares lejn il-ħidma tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi biss, bl-intervent tiegħu ġew salvati madwar 25,000 impjieg. 

Konvint li l-Baġit ta’ nhar id-19 ta’ Ottubru ser ikompli jagħmel kull ma hu possibbli biex l-għajnuna tal-Gvern tkun sostnuta. Ħadt pjaċir wkoll ninnota id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru dwar kif il-baġit se jolqot lill-pensjonanti. Fejn assigurana li l-Gvern se jibqa’ jagħti s-serħan il-moħħ li kellhom il-pensjonanti matul dawn l-aħħar 7 snin.

Fil-fatt, din il-ġimgħa kelli wkoll il-pjaċir li nimmarka l-ġlieda li qed nagħmlu f’pajjiżna kontra l-faqar. Rajna kif l-ammont ta’ persuni li għandhom ċaħda materjali niżlet għal 3.7% minn 10% fl-2013. Jidher biċ-ċar li l-ħidma tal-Gvern f’dan is-settur ħadmet sew, speċjalment għall-mod li bih rnexxilna ndaħħlu aktar persuni fid-dinja tax-xogħol, permezz ta’ miżuri bħal Inwork Benefits u t-Tapering of Benefits.

Il-ħafna ħidma li saret mill-2017 fuq il-qasam soċjali: biż-żidiet fic-childrens allowance, it-trasport b’xejn lejn l-iskejjel, żidiet lill-pensjonanti, paga minima għall-persuni b’diżabilità

Fakkarna wkoll il-ħafna ħidma oħra li saret mill-2017 fuq il-qasam soċjali: biż-żidiet fic-childrens allowance, it-trasport b’xejn lejn l-iskejjel, żidiet lill-pensjonanti, paga minima għall-persuni b’diżabilità u tant miżuri oħra.

Ħadt pjaċir inħabbar kif il-Minsteru li hu repsonsabbli mill-qasam soċjali laħaq 85% tat-twettieq tal-commitment elettorali. Xogħol, miżuri u għajnuniet li laqtu lil diversi faxxi tas-soċjetà u allura b’mod dirett laqtu l-ġlieda tagħna kontra l-faqar u l-għan li kulħadd ikollu id-dħul u l-kwalità tal-ħajja li jixraqlu.

  • Kif taħseb li l-pandemija tal-Covid19 qed taffettwa fejn tidħol il-ġlieda kontra l-faqar? 

Il-COVID żgur li ser taffettwa l-isforz u r-riżultati li konna qed nikbsu anke lokalment biex niġġieldu l-faqar. Għalhekk l-impenn tagħna jrid ikompli jiżdied u mhux jonqos.  Għaldaqstant aħna se nibqgħu nistudjaw dak li jkun qed jiġri, nisimgħu u niltaqgħu mar-realtajiet kollha tas-soċjeta’ tagħna għaliex dak hu tassew għalfejn qegħdin fil-poiltika  – biex ngħinu n-nies u nagħtuhom futur aħjar.

Jiena nifhem sewwa li f’dawn il-jiem hemm min huwa inkwetat li qed ikun hemm aktar każi ta’ COVID hekk kif wkoll l-ittestjar li qed jagħmel pajjiżna kompla jiżdied. Naqbel perfettament ma dak li qal il-Prim Ministru li għandu jkollna aktar inforzar tar-regolamenti biex inkomplu nikkontrollaw aħjar il-pandemija. Fost oħrajn l-użu aktar wiesgħa tal-maskla u l-ħtieġa ta’ aktar screening ta’ passiġġieri li jaslu fl-ajruport anke permezz ta’ rapid testing.  Filwaqt li rridux immorru fl-estrem nemmen wkoll li dawn il-miżuri mhux se joħonqu lill-pajjiż iżda se jippreservaw aħjar is-setturi ekonomiċi ta’ pajjiżna biex noħorġu minn dan il-perjodu b’suċċess.

Dan anke qalu s-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, fejn qal: importanti, wara li d-dinja kollha kellha x-xokk li ġie dal-virus, però mbagħad bdejna ninnutaw li jekk mhux se mmutu bil-COVID se mmutu bil-ġuħ għax l-aspett ekonomiku, jekk tħalli kullimkien magħluq, naturalment il-familji mhux se jkollhom l-għaxjien tagħhom. Li hu meħtieġ hu bilanċ, li tibqa’ tagħti l-priorità lis-saħħa, però bl-istess mod tagħti priorità lill-ekonomija. U dan qed nagħmluh billi, naturalment, ngħinu anke b’miljuni kbar ta’ ewro lil min iħaddem u lill-ħaddiema.

Fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fir-rigward, x’diskussjonijiet qed isiru? 

Bħala Ministru responsabbli anke mill-kundizzjonijiet tax-xogħol qed nitkellmu direttament ma’ min jimpjega, kif naraw li minkejja d-diffikultajiet li dawn jistgħu jħabbtu wiċċhom magħhom; per eżempju l-operaturi fis-settur turistiku – aħna dis-sena mhux se nilħqu t-tliet miljun turist li jiġu jżuruna – li jfisser anqas dħul għal dawn l-operaturi turistiċi. Però l-ħaddiema hemm għadhom u aħna rridu naraw kif nistgħu nissalvagwardjaw il-ħaddiema li qed jaħdmu f’dan is-settur, bħal f’setturi oħrajn.

Naturalment ser nibqgħu iffukati fuq ix-xogħol tagħna. Nafu fejn irridu mmorru. Nafu xi rridu nagħmlu. U minkejja d-diffikultajiet kollha li qed toħloq din il-pandemija, dan il-pajjiż qed ikompli miexi ‘l quddiem. Anke jekk naraw statistika ta’ kif qed jiżdied il-qgħad f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, u f’pajjiżna issa qed naraw li l-qgħad qed jonqos.

  • Skont l-Oppożizzjoni, l-ekonomija Maltija kibret għax il-Gvern importa n-nies… 

Dan il-Gvern kabbar l-ekonomija, li jfisser li ħoloq il-postijiet tax-xogħol. In-numri tagħna mhumiex opinjoni, huma fatti. Jekk aħna ħloqna tant eluf ta’ postijiet tax-xogħol li aħna l-popolazzjoni tagħna f’Malta ma kienx hawn biżżejjed min jagħmel ix-xogħol, xi jfisser? Ifisser li bilfors se jiġu ħaddiema minn barra biex jagħmlu dan ix-xogħol hawn Malta. Li jfisser li dawk il-ħaddiema li raw opportunità li ma kellhomx fil-pajjiz taghhom, rawha f’Malta.  Jiġifieri naħseb jien, l-argument, ikolli ngħidlu, bażwi li l-Oppożizzjoni qed tagħmel li l-ekonomija kibret għax impurtajna n-nies, huwa argument li mill-aspett ekonomiku ma jagħmel l-ebda sens.  Umbgħad imma hemm punt ieħor. L-għażla jekk inti għandek investiment f’pajjiżek li għandek bżonn 100 ruħ/150 ruħ, investimenti fil-qasam diġitali li jista’ jkun li aħna m’għandniex biżżejjed ħaddiema mħarrġa f’dan is-settur.

Il-mistoqsija tkun: dak l-investiment naċċettawh f’pajjiżna jew le?  Jekk inti għandek investiment li ħa joħloq 100 impjieg u nofshom jistgħu jkunu Maltin, u n-nofs l-ieħor jistgħu jkunu barranin, jekk aħna ma nagħtux il-permess lill-barranin jiġu, lanqas il-50 Malti ma jista’ jsib il-post tax-xogħol tiegħu.

  • Fl-aħħar nett, inti ilek Ministru tal-Kabinett mill-2014. X’kienet l-iżjed bidla li laqtitek?

Bla dubju ta’ xejn kulħadd jammetti li ġibna ħafna bidliet f’seba’ snin meta wieħed iqabbel il-25 sena ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista.  Però għalija l-ikbar bidla li ġab il-Gvern Laburista immexxi minn Joseph Muscat u issa minn Robert Abela kienet fil-mentalità tagħna bħala poplu: li aħna nistgħu dejjem nagħmlu aħjar u aktar.  U naħseb dik bħala mexxej ta’ Gvern, li dejjem jaspira li jilħaq aktar, u li l-pajjiż mhux iċ-ċokon tiegħu imma l-ħsieb tiegħu li jgħodd, naħseb li huwa wieħed mill-akbar legati li ħalla bħala Prim Ministru Joseph Muscat u li ser ikompli jibni fuqha Robert Abela.

Ekonomija

Sport