Friday, December 13, 2024

“Għandna problema finanzjarja… Aħna għandna €32 miljun dejn” – Bernard Grech

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Kap tal-PN qal li ma jistgħux jaffordjaw li joħolqu aktar firdiet f’Partit li diġà huwa fframmentat wisq

Fl-ewwel sessjoni tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-PN Bernard Grech qal li meta ressaq il-kandidatura tiegħu biex imexxi l-PN kien jaf li din kienet se tkun triq twila, diffiċli u għat-telgħa.

“Li ma kontx naf hu l-urġenza li kien hemm bżonn biex inwittu triq ġdida ‘l quddiem. Id-deċiżjonijiet li nieħdu flimkien matul ix-xhur li ġejjin, se jkunu deċiżjonijiet importanti. Deċiżjonijiet li se jiddeterminaw l-eżistenza stess ta’ dan il-Partit. Jekk ma nieħdux id-deċiżjonijiet diffiċli u malajr, nirriskjaw saħansitra is-sopravivenza tagħna bħala Partit. Jekk ma nieħdux id-deċiżjonijiet li sal-lum forsi mlewna b’biża u inċertezza, se jkollna biss kumdità waħda u ċertezza ta’ falliment kontinwu,” qal Grech.

“Dejjem wegħdtkom l-awtenċità. Dejjem wegħedt li ngħidu l-affarijiet kif inhuma. Faċli li wieħed jgħid l-affarijiet li wieħed jixtieq jisma. Pero lkoll hawnhekk aħna maturi u lkoll nifhmu u nafu illi lkoll għandna bżonn nimxu ‘l quddiem b’mod b’saħħtu. Inkun qed inqarraq u naħli l-ħin tagħkom u l-ħin tiegħi. Intom fdajtuni li nkun Kap ta’ Partit, sena u nofs ilu. Wegħet l-onestà – hekk kont u hekk se nibqa’. Se naffronta r-realtà, anke jekk din ma tkunx faċli, il-verità, anke jekk din tweġġa’ għaliex jien bħal kull wieħed u waħda minnkom għandi verament għal qalbi l-Partit u mhux l-interessi personali tiegħi.”

Grech qal: “Illum qiegħed hawn għal darb’oħra biex filwaqt li nibdew proċess, nitlobkom biex tpoġġu l-fiduċja tagħkom fija. Ma nistgħux naffordjaw li noħolqu aktar firdiet f’Partit li diġà huwa fframmentat wisq. Ma nistgħux taparsi nkunu qed naħdmu flimkien, imbagħad innawru. Ma nistgħux naffordjaw aktar dewmien fid-deċiżjonijiet li kelna nieħdu u baqgħu ma ttieħdux għax l-elezzjoni dejjem hija eminenti.”

Żied jgħid: “Il-problemi li għandna, imorru lil hinn minn problemi tat-tmexxija. Erba’ bidliet fit-tmexxija ta’ dan il-Partit f’dawn l-aħħar snin ġabu l-istess riżultat elettorali allura jikkonferma li l-problema mhix il-bidla tar-raġel jew tal-mara fuq nett. Ifisser li għandna problemi oħrajn. L-ewwel nett għandna problema finanzjarja. Inutli nafu li hemm problema imma nittamaw li din il-problema mhix hemm. Aħna għandna €32 miljun dejn. Dik hija r-realtà li għandna quddiemna.”

Ekonomija

Sport