Friday, December 20, 2024

“Għandna r-responsabbiltà li nħallu lill-Maltin stess lingwa b’saħħitha” 

Keith Attard – President tal-Għaqda tal-Malti fl-Università

Aqra wkoll

Keith Attard huwa l-President tal-Għaqda tal-Malti fi ħdan l-Università ta’ Malta. Għandu mħabba kbira għall-ilsien Malti. Fdin l-intervista fost oħrajn, jagħti elenku ta’ x’jiddistingwi l-ilsien Malti minn oħrajn barranin u x’jagħmel lil dan l-ilsien bħala wieħed uniku.

Bdejna biex tlabna lil Keith jirrakkuntalna kif bdiet l-imħabba tiegħu lejn il-lingwa Maltija

L-imħabba lejn il-lingwa tagħna bdiet minn żmien is-sekondarja iżda kompliet tikber meta studjajtha fi żmien l-Università. Tħabbibt l-aktar mal-aspett lingwistiku tal-lingwa, speċjalment mal-ortografija, il-lessikografija, u l-morfoloġija, jiġifieri l-istudju tal-forom u l-mod ta’ kif jinbena l-kliem. B’xorti tajba għandi xogħol (anzi xogħlijiet) fejn il-Malti nħaddmu kuljum u allura, bla ma rrid, nibqa’ niskopri affarijiet interessanti li jkomplu jżidu n-namur lejn ilsienna.  

U x’inhu l-irwol tiegħu fl-Għaqda tal-Malti – Università?

Minn Lulju tal-2021 ġejt elett bħala l-president tal-Għaqda tal-Malti. Bejn l-2019-2021 kont Assistent Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi. Qabel kont volontier fl-Għaqda u ġieli kont f’sottokumitati u f’bordijiet tar-rivista Leħen il-Malti

X’responsabbiltajiet iġġorr magħha din il-kariga?

L-irwol tal-President huwa wieħed li fih ħafna piż iżda fl-aħħar mill-aħħar iġorr miegħu sodisfazzjon kbir. Ir-responsabbiltajiet fl-aħħar mill-aħħar jaqgħu fuqek iżda grat ħafna lejn sħabi fil-kumitat li jaqsmu dan il-piż miegħi fit-tajjeb u fil-ħażin. Il-President inxebbhu mal-kaptan ta’ vapur jew mal-kowċ ta’ tim tal-futbol. Irid imexxi l-Għaqda fid-direzzjoni t-tajba u jagħti l-istruzzjonijiet li jkun hemm bżonn mingħajr ma jiddejjaq iħammeġ idu. President li jikkmanda biss, huwa biss president għall-isem u t-titli. 

Responsabbiltà oħra importanti ta’ din il-kariga hija li jrid jiddelega x-xogħol lill-kumitat tiegħu. Ħafna drabi wieħed faċli jaqa’ fin-nassa li jipprova jagħmel kollox kif irid hu imma dan mhuwiex ideali. Għalhekk nemmen li president tajjeb irid jinża’ l-mistħija tiegħu u ma jiddejjaqx jinvolvi direttament lit-tim tiegħu, anki jekk f’waqtiet jista’ jidher antipatku. Nemmen ħafna li huwa fundamentali li jibqa’ organizzat, isus wara l-biċċiet tax-xogħol li jkun iddelega, jitlob għal aġġornament kultant żmien biex jara l-andament kif ikun, u fl-aħħar mill-aħħar idur kollox biex jara jistax itejjeb fuq dak li jkun sar.

Irwol ieħor sagrosant li għandu l-president tal-Għaqda tal-Malti huwa li jkun l-editur tar-rivista annwali Leħen il-Malti, rivista maħruġa mill-Għaqda nnifisha u li tkun magħmula minn poeżiji, novelli, traduzzjonijiet, u kitbiet akkademiċi. Huwa jrid jieħu ħsieb jikkordina l-proċess kollu ta’ din il-pubblikazzjoni: jaħtar bord editorjali tal-fiduċja tiegħu; jevalwa s-sottomissjonijiet kollha li jidħlu; u jieħu ħsieb l-intietef kollha (flimkien mal-bqija tal-bord editorjali), ngħidu aħna li l-pubblikazzjoni jkollha qoxra li tiġbed l-għajn, tkun nadifa mill-iżbalji, javża lill-kittieba, u ħafna aktar.

Il-Kumitat tal-Għadqa tal-Malti 2021-2023

Xi skop għandha din l-Għaqda u x’attivitajiet torganizza matul is-sena?

L-għanijiet tal-Għaqda huma li taħdem għall-għarfien sħiħ tal-ilsien Malti fl-oqsma kollha tal-ħajja u tal-kultura Maltija. Tipprova kemm tista’ tqanqal interess u studji fil-lingwa u fil-letteratura Maltija, kemm fost l-istudenti tal-Università u ta’ istituzzjonijiet edukattivi oħra, kif ukoll fil-pubbliku inġenerali. L-Għaqda tħaddem u tħarreġ kompetenzi u mezzi relevanti għall-oqsma letterarji u lingwistiċi tal-Malti. Skop ieħor li għandha l-Għaqda tal-Malti huwa li tfakkar awturi Maltin, jew oħrajn li kitbu dwar jew bil-Malti. Fuq kollox tgħin lill-istudenti biex itejbu l-ħiliet fil-kitba u jippubblikaw ix-xogħlijiet tagħhom fil-pubblikazzjonijiet tal-Għaqda.

Biex tilħaq dawn dawn l-għanijiet l-Għaqda torganizza diversi attivitajiet. L-aħħar attività saret fid-29 ta’ April u kienet serata mżewqa fuq iċ-ċajt. Fiha l-Għaqda stiednet lil ħames kelliema – Albert Borg, Joe Carbonaro, Leanne Ellul, Mark il-Kram, u Pawlu Mizzi biex jgħidu ċ-ċajt lill-udjenza. Il-preżentatur tas-serata Ron Briffa wkoll qasam mal-udjenza ċajt ħafif u l-udjenza kellha wkoll il-mumenti tagħha fejn tirrakkonta ċ-ċajt. 

Attività aktar letterarja saret fit-18 ta’ Marzu. Din il-lejla kienet iddedikata lejn il-ġeneru tal-mikrostejjer, jiġifieri stejjer qosra. Fiha Charles Casha, Ġorġ Mallia, Ġorġ Peresso, Rita Saliba, u Trevor Żahra paxxew lill-udjenza bil-qari ta’ dawn il-mikrostejjer. Uħud mill-istejjer inqraw mill-udjenza u oħrajn ġew animati minn xi atturi. Attivitajiet oħra saru waqt Kampus Kotba bejn it-23 u l-25 ta’ Marzu. L-Għaqda tellgħet l-attivitajiet ‘Tlaqna sal-Melitensia’ – bis-sehem ta’ Dr Olvin Vella u Prof. Bernard Micallef; ‘Kissirtu Kullimkien’ – bis-sehem tal-awtriċi Lara Calleja; ‘Il-Malti minn Fomm il-Barranin’ – bis-sehem ta’ Marian Belsten, Jessica Schulz, u Ron Van Maarschalkerweerd Borg; u ‘Waħx Taħt it-Tinda’ – bis-sehem ta’ Anton u Sergio Grasso.

L-Għaqda tal-Malti għat-tieni sena konsekuttiva ħadet ħsieb paġna tal-logħob fir-rivista Sagħtar. Matul is-sena skolastika li għaddiet (2020-2021) l-Għaqda ppreżentat 8 logħbiet tal-logħba ‘Irranġani!’ lill-Fondazzjoni Sagħtar. Din is-sena skolastika (2021-2022) ppreżentat tmien logħbiet tal-logħba ‘Rebus’. Fiha l-istudenti ngħataw stampi u billi jnaqqsu jew iżidu xi ittri minn dawn l-istampi jridu jipprovaw jifformaw kelma bil-Malti.  

Proġett ieħor ambizzjuż li kompla jippromovi l-użu tal-Malti ma’ oqsma varji huwa ‘Il-Ħitan Jitkellmu’. L-Għaqda kkollaborat mal-Iskola Medja tal-Ħandaq u saru tmien kartelluni infografiċi fil-kurutur tad-Dipartiment tal-Malti. It-temi magħżula għal dawn il-ħitan kienu: il-personaġġi Maltin, il-leġġendi Maltin, espressjonijiet idjomatiċi marbuta mal-ġisem, l-ortografija, il-proċess tal-kitba, it-termini letterarji, u l-metrika.

Skont Keith, x’inhi dik il-ħaġa unika li nsibuha fil-Malti u ma nsibuhiex f’lingwi oħrajn?

Fatt interessanti huwa li l-Malti huwa l-unika lsien li ġej mill-Għarbi u li jinkiteb b’alfabett Latin. Il-Malti, minħabba li ġie f’kuntatt mat-Taljan u mal-Ingliż għażel li l-kitba tal-kliem tiegħu jiktibha bis-simboli li aħna mdorrijin bihom illum. Li kieku m’għamilx hekk, kieku llum il-Malti jinkiteb b’alfabett Għarbi. Interessanti wkoll li l-Malti xorob minn għejun differenti – l-Għarbi, l-Isqalli, it-Taljan, l-Ingliż… – u l-kliem li ħa tah il-marka oriġinali tiegħu. Affaxxinanti kif f’kelma waħda, ngħidu aħna l-kelma snieter (il-plural  ta’ senter) hemm il-marka ta’ żewġ elementi lingwistiċi: il-forma tal-plural miksur li hija Semitika, u l-marka tal-Ingliż fil-kelma senter. Dawn twaħħdu flimkien u integraw ruħhom b’mod tassew naturali. Dan jiġri fi kliem ieħor ngħidu aħna f’fenkata, bil-kelma fenek ġejja mill-Għarbi u s-suffiss -ata ġej mir-Rumanz.   

Tlabna lil Keith jgħidilna x’inhuma l-ħsibijiet tiegħu fuq l-aħħar żviluppi li saru fil-lingwa Maltija

Lingwa li ma tiġġeddidx tmut wara ftit taż-żmien u għaldaqstant it-tibdiliet fil-lingwa jiswew mitqlu deheb. Sena ilu ċċelebrajna l-għeluq tal-100 sena mit-twaqqif tal-alfabett li nużaw illum meta niktbu bil-Malti. Sentejn oħra niċċelebraw il-Milied tat-Tagħrif fuq il-Kitba Maltija, il-ktieb li għen biex jistabbilixxi l-ewwel sett ta’ regoli grammatikali uffiċjali bil-Malti. Meta tqabbel il-Malti mal-Ingliż tirrealizza kemm il-lingwa miktuba tagħna m’għandhiex wisq żmien u għalhekk hija ħaġa naturali li tkompli tiżviluppa u tiġi pperfezzjonata.

L-aħħar żviluppi uffiċjali li saru fil-Malti kienu d-Deċiżjonijiet 2 li trattaw il-kitba tal-kliem mill-Ingliż fil-Malti. Bis-saħħa tagħhom issa għandna gwida ċara kif se niktbu kliem kompost bħal roundabout, dry cleaning, full-time, sliding tackle, u l-bqija. Dawn għandhom jitħallew bilfors bl-Ingliż u ma jiġux immarkati fil-korsiv jew b’xi virgoletti. Naqbel sew ma’ din il-bidla għax f’lingwa trid tagħti kas l-aspett viżiv u li kieku jinkitbu la Maltija, fil-għajn jidhru koroh. Bl-istess raġunar, naqbel ukoll mad-deċiżjoni li meta kelma tinbidel wisq mill-forma oriġinali għandha titħalla bl-Ingliż. Għalhekk kliem bħal cruise, foundation (il-bażi li jintuża fil-make up), junction, aerial, u squirrel, la daħal fil-Malti għandu jitħalla hekk. B’mod ġenerali naqbel mal-kumplament ta’ dawn ir-regoli iżda m’għandix wisq ċans nelabora fuq kull regola li daħlet fis-seħħ.  

Hemm min jgħid illi bil-Malti ma tasal imkien għax illum il-ġurnata għandek bżonn l-Ingliż. Keith jaqbel ma’ dan ir-raġunament?

Ovvjament ma naqbilx ma’ dan l-argument. Il-karriera tiegħi hija mibnija totalment fuq il-Malti. Il-ħobża ta’ kuljum inġibha kollha kemm hi bis-saħħa tal-Malti. Ngħallem il-Malti fis-sekondarja, qarrej tal-provi tal-Malti freelance u ġieli wkoll tajt korsijiet tal-ortografija tad-Degree Plus mal-Università ta’ Malta. Min hu aktar avventuruż minni u jkollu l-kuraġġ isiefer Lussemburgu jew Brussell jesplora d-dinja tat-traduzzjoni, tat-tagħlim jew tal-qari tal-provi ibqgħu fuq kliemi li anki finanzjarjament ikun wasal żgur! Dan kollu m’iniex ngħidu biex nelimina l-importanza tal-Ingliż għax kulħadd jaf kemm din il-lingwa internazzjonali hija importanti. Però żgur mhux għad-detriment tal-Malti! Il-Malti u l-Ingliż għandhom jimxu id f’id għax, wara kollox, pajjiż bilingwi bħalna għandu vantaġġ enormi meta ċ-ċittadini jkunu kapaċi jħaddmu sew dawn iż-żewġ lingwi. 

Keith xtaq jgħaddi messaġġ finali lil dawk il-Maltin illi qed jiskartaw xi ftit il-lingwa Maltija u minflok jużaw ilsien ieħor biex jikkomunikaw

Jekk aħna nitilqu bil-premessa li bil-Malti ma naslu mkien, jew li l-Malti m’għandniex bżonnu, jew li l-Ingliż huwa aktar prestiġġjuż jew tal-moda mill-Malti, mela sfortunatament inkunu bdejna t-tellieqa b’diżabilità. Uliedna għandhom dritt jitkellmu minn ċkunithom bil-Malti. M’għandniex inċaħħduhom minn dan id-dritt għax wara kollox il-lingwa tagħna tagħtina identità u għandna nkunu kburin biha. Bħalma aħna responsabbli li nħallu lil ta’ warajna ambjent nadif u sostenibbli, hekk ukoll għandna r-responsabbiltà li nħallu lill-Maltin stess lingwa b’saħħitha. Wara kollox, lingwa li mhix mitkellma minn niesha tmut f’temp ta’ ftit ġenerazzjonijiet.  

Ekonomija

Sport