Saturday, October 12, 2024

Resqin fi tmiemhom ix-xogħlijiet fuq l-ewwel kumpless tal-Hospice

Aqra wkoll

Ix-xogħlijiet fuq l-ewwel kumpless tal-Hospice għal servizzi ta’ kura palljattiva huma kważi lesti u l-proġett mistenni jibda jopera bis-sħiħ sal-aħħar tal-2023. Il-Bord tal-Gvernaturi u l-Kap Eżekuttiv tal-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali (NDSF) żaru l-bini u raw ix-xogħlijiet estensivi li tlestew matul l-aħħar xhur. 

Il-kumpless ta’ 11,000 metru kwadru, li jinsab fl-ex Adelaide Cini Institute, f’Santa Venera, kien preċedentement proprjetà tal-Knisja u ġie mgħoddi formalment lil Hospice Malta fl-2019. Permezz ta’ ftehim iffirmat bejn il-Fond u Hospice Malta s-sena l-oħra, l-NDSF ser jikkofinanzja l-proġett permezz ta’ għotja soċjali ta’ €8 miljun. Sal-lum, il-biċċa l-kbira tax-xogħlijiet ċivili tlestew u qed irisu xogħlijiet ta’ finishings. 

Iċ-Ċentru tal-Kura Palljattiva St Michael Hospice se jinkludi sezzjoni għall-In-Patients, li se tipprovdi aktar servizzi ta’ kura palljattiva lil pazjenti b’mard li jillimitalhom ħajjithom. Is-servizzi ta’ terapija li huma offruti minn Hospice Malta preżentement se jiġu estiżi biex jiżdied il-programm ta’ għajnuna fil-komunità. Se jiġu introdotti wkoll żewġ kliniċi mediċi għall-Out-Patients. Barra minn hekk, Hospice se tkompli tikkonsolida t-tim professjonali tagħha fi ħdan il-komunità, biex tkompli tappoġġja lill-pazjenti u lill-familji tagħhom. St Michael Hospice se jsaħħaħ ukoll il-fergħa edukattiva tiegħu, u dan se jiffaċilita l-iskambju ta’ għarfien bejn esperti minn faċilitajiet oħra tal-Hospice madwar id-dinja. 

Filwaqt li l-karatteristiċi arkitettoniċi oriġinali tal-bini ġew ippreservati u restawrati, il-kumpless sar b’mod kompletament aċċessibbli għar-rekwiżiti kollha ta’ mobilità. Il-kmamar huma ddisinjati biex jippermettu lill-pazjenti jaċċessaw il-ġnien mill-kmamar tagħhom. Il-kumpless se jospita wkoll facilità ta’ idroterapija u żona għall fiżjoterapija, fost faċilitajiet oħra. 

Ritratt: Omar Camilleri – DOI

Il-membri tal-Bord tal-NDSF u l-Kap Eżekuttiv is-Sur Raymond Andrew Ellul, intlaqgħu miċ-Chairperson ta’ Hospice Malta, is-Sinjura Bernadette Bonnici Kind, il-Kap Eżekuttiv is-Sur Kenneth Delia, l-Uffiċjal Kap tar-Relazzjonijiet is-Sur Andrew Zammit u l-Koordinatur tal-Proġett is-Sinjura Lora Cascun. 

“Il-kontribut finanzjarju sostanzjali tal-NDSF lejn dan il-proġett juri l-impenn lejn il-finanzjament ta’ proġetti ta’ importanza nazzjonali li huma fl-aħjar interess tal-pubbliku”, qal is-Sur Ellul. “St. Michael Hospice se jiżgura li l-pazjenti kollha jiġu ttrattati b’dinjità u li l-familji tagħhom isibu l-appoġġ meħtieġ matul l-aktar mumenti diffiċli ta’ ħajjithom, f’atmosfera ta’ servizz professjonali u fi spirtu ta’ kompassjoni”, temm jgħid is-sur Ellul. 

Is-Sinjura Bonnici Kind sostniet li s-St Michael Hospice huwa l-pass naturali wara 33 sena ta’ servizz li Hospice Malta tat kontinwament lill-komunità, biex tkompli ssaħħaħ l-appoġġ ħolistiku bla ħlas lill-pazjenti u l-familji tagħhom. “Hospice hija grata li dan l-isforz ġie rikonoxxut bħala proġett ta’ importanza nazzjonali, għall-benefiċċju ta’ din il-ġenerazzjoni u tal-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni”, qalet is-Sinjura Bonnici Kind. 

Sport