Thursday, December 26, 2024

“Għandna tim kompetenti b’nies ta’ kalibru li jistgħu jibqgħu jagħtu ċertezza u stabbiltà”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt diskussjoni politika organizzata mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, il-Prim Ministru Robert Abela qal li ma jistax jiddiskuti l-aġenda mingħajr ma jsemmi dak li għaddej fl-Ukrajna.

Il-Prim Ministru qal li l-aktar inkwetanti huma t-telf ta’ ħajjiet, ta’ trabi, ta’ żgħażagħ u familji li tkissru f’medda tal-ewwel sigħat.

Abela tkellem dwar il-valuri li jiddefinixxu lill-poplu Malti li b’ġenerożità għażel li jkun ta’ spalla għall-poplu Ukren. Huwa qal li l-gvern qiegħed jagħmel il-parti tiegħu anke bi prodotti mediċi li tammonta għal €1.4 miljun.

Il-Prim Ministru ħabbar li l-ewwel tifla ċkejkna se tkun qiegħda tasal Malta din il-ġimgħa sabiex tkun tista’ tingħata l-kura għall-marda tal-kanċer.

Hawnhekk Abela rringrazzja lil Puttinu Cares għall-mod ta’ kif sar il-koordinament bejn iż-żewġ pajjiżi.

Il-Prim Ministru appella għall-maturità u r-responsabbiltà fejn jidħlu diskussjonijiet relatati mal-pandemija u dak li għaddej fir-Russja.

“L-iprem vantaġġ ta’ dan il-gvern huwa li għandu l-ħila u l-esperjenza kif jitratta f’sitwazzjoni straordinarja bħal din. Mil-lat mediku m’għandha x’taqsam xejn mal-pandemija, iżda mil-lat ekonomiku hemm xebh li huwa wieħed relevanti ferm”, kompla Abela.

Il-Prim Ministru qal li bħalma sar fi żmien il-pandemija, il-gvern għażel li jitbiegħed mill-politika tal-awterità u għażel li jinċentiva lin-nies u lin-negozji. Il-Prim Ministru qal li mal-mument li feġġew it-tensjonijiet tal-gwerra, il-gvern iddedika fond ta’ €200 miljun sal-aħħar tas-sena biex jagħmlu tajjeb għall-impatt ta’ dawn it-tensjonijiet.

Abela qal li sentejn ilu l-gvern ta’ kelma tal-irġulija mingħajr kuntratti li jgħin lin-negozji bil-patt li dawn ma jkeċċux lill-ħaddiema tagħhom u kburi li din il-kelma nżammet.

“Tajna kelma, żammejnieha u se nibqgħu nżommuha li nżommu l-prezzijiet tal-enerġija stabbli”, żied jispjega Abela.

Għall-mistoqsija ta’ kif jista’ jsostni dan kollu, il-Prim Ministru qal li jeħtieġ li tinżamm ekonomija b’saħħitha. Gvern immexxi minnu se jibqa’ jagħti garanzija ta’ spalla bħalma kien għamel fi żmien il-pandemija. Fakkar fil-Covid Wage Suppliment, għajnuna fil-kirjiet tan-negozji u għajnuna fuq il-leave tal-kwarantina. Qal ukoll li kieku ma sarx dan l-intervent, kieku t-tbassir tal-qgħad u l-ekonomija staġnata kien jimmaterjalizza u kieku llum dawk quddiemu preżenti biex jiddiskutu jaf ma setgħux ikunu preżenti biex jaraw il-futur minħabba li setgħu għalqu l-bibien quddiem l-isfidi li kellhom jaffaċċjaw.

Abela qal li din il-ħidma mhijiex mertu ta’ gvern, iżda mertu ta’ pajjiż b’ħaddiema li kkollaboraw u baqgħu reżiljenti biex pajjiżna żamm il-pożizzjoni li jinsab fiha.

F’kumment politiku, il-Prim Ministru qal li l-gvern għandu nies ta’ kalibru bħalma huma Chris Fearne, Miriam Dalli, Clyde Caruana, Silvio Schembri u Byron Camilleri li kienu parti minn dan it-tim li kienu meħtieġa biex imexxu dawn is-setturi tant kruċjali għall-pajjiż. Sostna dwar il-bżonn ta’ tim maqgħud li miegħu n-nies taf fejn qiegħda u li huwa ffukat fuq pjan ta’ €3.3 biljun f’investiment fuq medda ta’ ħames snin. Minbarra dawn, Abela tkellem dwar pakkett finanzjarju ta’ €2.7 miljun ta’ fondi ewropej li bihom se jitnedew skemi li jkunu jistgħu jgħinu lin-negozji.

Abela tkellem dwar sinerġija bejn il-manifest elettorali tal-Partit Laburista u l-Kamra tan-Negozji għaliex dak li telaq f’100 idea u trasforma f’1,000 proposta kien kollu frott laqgħat u notamenti li wasslu għat-tfassil propost.

Il-Prim Ministru qal li jkun qiegħed jonqos jekk ma jagħmilx referenza għas-settur bankarju. Spjega li filwaqt li jifhem l-importanza tal-proċess regolatorju, jbati biex jifhem ċertu burokrazija żejda. Kompla biex jgħid li filwaqt li dan il-gvern qiegħed jirrikonoxxi din ir-realtà, ma baqax ċass. Huwa qal li jħares ’il quddiem biex l-FATF jirrikonoxxi li saru t-tibdiliet li kien hemm bżonn minn żjara f’pajjiżna biex jingħalaq il-proċess bl-eżitu li pajjiżna jitneħħa mil-lista l-griża.

Ekonomija

Sport