Friday, December 13, 2024

“Għandna viżjoni bbażata li rridu ntejbu l-ħajja u s-saħħa tan-nies… aħna partit li rridu l-ġid lin-nies”

Aqra wkoll

“Jiena qiegħed miegħek hawnhekk fil-lokalità tiegħek u din hija r-raġuni għalfejn qed induru minn lokalità għall-oħra biex kulħadd ikollu l-opportunità u jkun jista’ jasal il-messaġġ pożittiv ta’ ġid li aħna għandna għal dan il-pajjiż.”

Hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech filwaqt li beda biex jindirizza n-nies li nġabru fil-lokalità tal-Kalkara

Grech qal: “lbieraħ filgħaxija kkonfermajna u approvajna fl-Eżekuttiv tal-Partit il-programm elettorali li għannda nfassal għall-pajjiż u ninsab kburi li għandna dan il-programm.Hemm ukoll numru ta’ miżuri li ddiskutejna mal-imsieħba soċjali u NGOs, fost oħrajn. Ħadna dawn l-ideat għax daħlu perfettament fil-viżjoni li għandna għal pajjiżna – viżjoni bbażata li rridu ntejbu l-ħajja tan-nies u s-saħħa tan-nies għaliex aħna partit li nagħdru u rridu l-ġid lin-nies u nħarsu ‘l quddiem b’mod pożittiv għax konvinti u determinati illi flimkien mal-poplu Malti u Għawdxi kollu jirnexxielna nġibu lill-pajjiżna iktar ‘il quddiem.”

Qal ukoll: “Irrid nirrikonoxxi li sar ġid. Jekk ma nagħmlux il-ġid għalfejn dħalna għall-politika, pero għandna wkoll responsabbiltajiet oħra. Għandna r-responsabbiltà li ma nagħmlux id-deni kif għamlu sfortunatmaent numri ta’ ministru u kif għamlu Gvern Laburista f’dawn l-aħħar 10 snin. Ftakru li fost ħafna affarijiet irnexxilhom iniżżlu isem pajjiżna u jdaħluh fil-lista l-griża. Se tibqa’ prijorità assoluta tiegħi li mal-ewwel siegħa li nkun Prim Ministru jekk tavdawni bit-tmexxija, inkun qiegħed naħdem qatigħ flimkien ma’ sħabi biex il-messaġġ tal-poplu nwasslu mal-erbat irjieħ tad-dinja u nikkonvinċi flimkien lill-FATF li dan il-pajjiż inbidel u jrid biss li nkun b’isem u reputazzjoni tajba għal pajjiżna.”

Tkellem dwar l-ambjent u qal li se jkunu qed jippromwovu dak ix-xogħol li jkun qed jirrispetta l-ambjent, ir-responsabiltajiet soċjali imma wkoll il-governanza.

“Allura se nkunu gvern, jekk il-poplu jagħtina l-fiduċja, li se ninċentivaw il-bżulija, nippremjaw il-bżulija u fl-istess ħin ilkoll flimkien inġibu bidla għall-aħjar,” qal Grech.

“Grazzi minn qalbi talli ġejtu. Jekk Alla jrid ibqgħu ejjew għall-attivitajiet ħalli nibqgħu flimkien nagħmlu l-bidla.”

Ekonomija

Sport