Tuesday, May 14, 2024

“L-anzjani huma fiċ-ċentru tal-politika tagħna” – il-PM

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

“L-għażla bejn il-passat u l-futur hija wkoll għall-pensjonanti tagħna. L-anzjani tagħna wkoll iridu jieħdu deċiżjoni importanti fejn jagħżlu jekk imorrux lura lejn il-politika ta’ awsterità, jew jagħżlux gvern li jħaddem politika ta’ investiment fihom fejn il-kontijiet biss huma friżati.”

Hekk qal il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt li beda biex jindirizza attività politika fil-Mellieħa fejn fiha tkellem dwar il-viżjoni bħala Gvern u bosta inizjattivi biex l-anzjani jgħixu aħjar. Fost l-oħrajn semma l-ikbar żidiet fil-pensjoni, żieda fil-pensjoni ta’ €15 fil-ġimgħa u mediċini b’xejn għall-anzjani kollha. Dan kollu msejjes fuq il-fatt għax il-Partit Laburista jżomm lill-anzjani fiċ-ċentru tal-politika.

“Anke mal-pensjonanti l-aħħar snin tagħna fit-tmexxija rridu nħarsu lejhom biss bħala l-akbar xhieda ta’ x’lesti nagħmlu għal li ġej. Ta’ kemm nemmnu li wara tant snin ta’ ħidma l-pensjonanti tagħna jixirqilhom id-dinjità. Il-pjan tagħna huwa ffukat fuq il-kwalità tal-ħajja fejn lill-anzjani tagħna rridu nagħtuhom l-aqwa kwalità ta’ ħajja possibbli.”

Innota kif Gvern Nazzjonalista ma kien jimpurtah xejn minn persuna li kienet tagħmel għomorha taħdem u meta tirtira ssib bħala sfida l-fatt li trid tibda tgħix bil-pensjoni.

“Magħna l-pensjonanti jafu fejn qegħdin. Anke jekk ikun wassallek iż-żmien ta’ mistrieħ, dak iż-żmien irid ikun wieħed sabiħ fejn mhux biss tlaħħaq mal-bażiku imma li trid tkun tista’ tagħmel kapriċċ. Jekk possibbli rriduk tgħix aħjar milli kont tgħix qabel. Għalhekk li nemmnu f’politika li tinvesti fin-nies, fl-istess ħin li tnaqqas il-piżijiet. Meta żidna l-pensjonijiet ma żidnix it-taxxi u għalhekk dak li tajna baqa’ għand in-nies. Rajna wkoll li ma jkolnix mediċini out-of stock u allura li tajna baqa’ għand in-nies. Meta żidna l-pensjonijiet raħħasna l-kontijiet tad-dawl u l-ilma u allura dak li tajna, baqa’ għand in-nies.”

Qal li min jaħdem bil-għaqal dak li jimplimenta jkun jista jsostnih fit-tul u qal li għalhekk li jinsab kburi ħafna bin-numru ta’ miżuri li daħlu għall-pensjonanti fl-aħħar snin.

“Jekk tavdawni bl-ewwel mandat tiegħi, se nibnu fuqhom. Dawn huma miżuri li ħallew eluf ta’ ewro aktar fil-bwiet tal-pensjonanti u tal-anzjani. Ħaddieħor iffriża l-pensjonijiet għal 25 sena ħlief għaż-żieda tal-għoli tal-ħajja. Dak il-passat… aħna l-futur. Żidna u se nerġgħu nżiedu l-pensjonijiet. Żidnihom b’aktar milli wegħdna,” qal Dr Abela.

Innota kif mill-2018 ‘il quddiem bdew iżidu l-pensjoni għal kulħadd sena wara sena. Dan minbarra ż-żidiet tal-għoli tal-ħajja. Dan ifisser li b’kollox kull pensjonant żdied b’madwar €2,000 fis-sena. 

Dr Abela qal: “Fil-ħames snin li ġejjin, jekk tatuna l-fiduċja tagħkom, din iż-żieda se tkun akbar. Dawk fuq il-pensjoni minima saħansitra żdiedu aktar. Dan ifisser li lill-pensjonanti tagħna tajnihom ta’ minn tnejn sa ħames ċekkijiet addizzjonali tal-pensjoni kull sena. Il-passat li l-Kap tal-Oppożizzjoni huwa l-wiċċ tiegħu kien ivvota bil-qalb biex jogħlew il-kontijiet u qalilna biex nidraw il-kontijiet għola. Aħna, il-futur li qed nivvutaw bil-qalb għalih, huwa biex nibgħatu aktar ċekkijiet fil-bwiet tal-pensjonanti tagħna. Il-passat kien jintaxxa lil min għandu l-paga minima u lill-pensjonanti. Aħna minflok neħħejna t-taxxa minn fuqhom u għaż-żmien li ġej se nkomplu nnaqsu t-taxxi.”

Qal li l-qalb tal-Partit Soċjalista ma tistrieħx meta tkun taf li hemm min ibati fis-skiet u qal li għalhekk iffukaw fuq sezzjonijiet partikolari. Semma kif tejbu l-pensjoni tar-romol, il-pensjoni tas-self employed, fost oħrajn. Dan filwaqt li fehmu wkoll ir-realtà ta’ ħafna nisa li meta ġew għall-età tal-pensjoni sabu ruħom fi żvantaġġ. Qal li għalhekk fid-deċiżjonijiet kollha, iridu jilħqu l-ugwaljanza f’kull sens. 

Semma waħda mill-miżuri li hija għal qalbu u li tiddefinixxi l-prinċipji tal-ġustizzja soċjali tal-PL. Minn din il-miżura 2,000 persuna kważi kollha nisa miżżewġa qed igawdu minn pensjoni għall-ewwel darba. Qal li dan minbarra 12,000 mara oħra li qed jingħataw bonus kull sena għal kull sena ta’ bolol li ħalsu li rċevewh ftit tal-jiem ilu.

“Aħna l-ġid nibgħatuh kull sena u mhux meta tiġi l-elezzjoni. Fil-fatt issa bdew jitkażaw bina li l-pensjonanti tagħna se jirċievu ċekk ieħor ta’ €200. Qalulna li bħalissa mhux żmienu. Jekk tatuni l-fiduċja biex inkun Prim Ministru, għalija dejjem ikun żmien li l-pensjonanti jirċievu ċ-ċekkijiet. Lir-romol minn din is-sena se nkomplu ngħollulom il-pensjoni biex fuq medda ta’ żmien tiġi daqs ta’ żwieġhom. Proprju għalhekk fi ftit tal-jiem oħra se jirċievu żieda oħra fil-pensjoni tagħna.”

Qal li din is-sena n-nefqa fuq il-pensjonijiet biss se tkun laħqet il-biljun ewro. Dan ifisser €400 miljun aktar mill-aħħar sena ta’ Gvern Nazzjonalista.

“Aħna nħossu l-polz tal-poplu. L-anzjani huma fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Imma biex dak il-programm isir realtà fis-26 ta’ Marzu tridu tivvutaw għalih. Għad hemm aktar x’irridu inniedu. Huwa pjan ambizzjuż. Biex inwettquh għandna bżonn l-għajnuna tagħkom.”

Sport