Il-Budget 2027 huwa vot ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet li jżommuna siguri. Għas-sena d-dieħla, il-budget allokat għall-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà hu ta’ kważi nofs biljun ewro, li jfisser żieda ta’ madwar 80 miljun ewro fuq is-sena kurrenti. Dan l-investiment se nużawh biex inżommu l-familji tagħna moħħhom mistrieħ.
Iddikjara dan il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield, waqt id-diskussjoni dwar l-estimi finanzjarji tal-Budget 2027 għall-Ministeru tiegħu. Huwa saħaq li l-investiment fis-sigurtà mhuwiex biss investiment fil-protezzjoni taċ-ċittadini, iżda wkoll fl-ekonomija u fil-kwalità tal-ħajja tal-pajjiż. “Meta nitkellmu dwar l-investiment fis-sigurtà, irridu nifhmu li qed nitkellmu wkoll dwar il-protezzjoni tal-ġid li joħloq pajjiżna,” sostna l-Ministru.
Huwa spjega li l-prijoritajiet tal-Ministeru għandhom għan komuni: li Malta tibqa’ fost l-aktar pajjiżi siguri fid-dinja u jkollha l-kapaċità meħtieġa biex tipproteġi liċ-ċittadini tagħha. F’dan il-kuntest, il-Budget għandu jkompli jwassal messaġġ ċar li s-sigurtà hija prijorità nazzjonali.
Il-Ministru rrefera wkoll għall-fatt li minkejja ż-żieda fil-popolazzjoni, ir-rata tal-kriminalità naqset, u huwa mistenni li din ix-xejra tkompli matul din is-sena.
