L-MPE Thomas Bajada: “L-opportunitajiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit m’għandhomx ikunu privileġġ biss għal dawk li jaffordjawhom”

Aqra wkoll

Londra, 17 ta’ Novembru, 2026 – Il-Membru Parlamentari Ewropew Malti, f’isem is-Soċjalisti u d-Demokratiċi, Thomas Bajada, appella għal Skema ‘EU-UK Youth Experience’ ambizzjuża u inklussiva, waqt li wissa li piżijiet finanzjarji jistgħu jwasslu sabiex opportunità storika għaż-żgħażagħ miż-żewġ naħat, tispiċċa privileġġ immirat biss għall-ftit min-nies.

Waqt li kien qed jitkellem fit-tmien Assemblea tal-EU-UK Parliamentary Partnership, fil-Parlament Ingliż, qabel is-summit bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, tal-Ġimgħa, Bajada insista li l-qbil għandu jwassal għal opportunitajiet ġenwini għaż-żgħażagħ, minkejja l-isfond finanzjarju li jkunu ġejjin minnu.

“Nhar il-Ġimgħa, mhux se niċċelebra qbil li jiftaħ il-bibien biss għal dawk li jaffordjaw jgħaddu minnhom. Jekk l-opportunità biex tesperjenza l-ħajja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tiddependi fuq il-kont bankarju tiegħek, hekk inkunu qed noħolqu l-opportunitajiet għall-privileġġjati, u mhux għall-ġenerazzjoni sħiħa,” qal Bajada.

Bin-negozjati li se jkomplu qabel is-Summit bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, fl-20 ta’ Novembru, l-MPE Malti sostna li l-ħlasijiet tal-visa, l-ispejjeż għas-servizzi tas-saħħa u l-barrieri għal opportunitajiet edukattivi għandhom jiġu indirizzati jekk l-iskema hija verament immirata li tilħaq il-potenzjal tagħha.

Waqt is-sessjoni plenarja tal-Assemblea, Bajada appella għal Youth Experience Scheme li takkomoda sa 100,000 participant fis-sena, filwaqt li titneħħa l-ispiża tas-saħħa marbuta mal-immigrazzjoni. Huwa saħaq li ladarba jitneħħa dan il-piż finanzjarju, huwa essenzjali li jiġi assigurat li żgħażagħ minn sfond soċjoekonomiku differenti, jibbenefikaw bl-istess mod.

Bajada appella wkoll lill-Kummissarju Ewropew Maroš Šefčovič u lill-Ministru Brittaniku, Hamish Falconer sabiex jikkommettu li jwasslu għal ftehim fi żmien sitt xhur, fuq trattament ugwali fejn jidħlu miżati tal-università, fosthom aċċess għal status home fee għall-istudenti mir-Renju Unit u mill-Unjoni Ewropea.

Għal pajjiżna, dan iġorr importanza partikolari. Ġenerazzjonijiet ta’ studenti Maltin studjaw f’livelli għolja ta’ edukazzjoni, u taħriġ speċjalizzat fi ħdan Universitajiet Brittaniċi, fejn b’hekk jinbnew relazzjonijiet b’saħħithom, kemm professjonali u anke akkademiċi, bejn iż-żewġ pajjiżi. Minkejja dan, miżati ogħla tat-tagħlim jagħmlu dawn l-opportunitajiet diffiċli biex jinkisbu miż-żgħazagħ b’talent u l-familji tagħhom.

Lil hinn mill-edukazzjoni u l-impjieg, Bajada enfasizza li l-futur tar-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, trid tinvesti fl-iskambju kreattiv u kulturali, li jinfetħu aktar opportunitajiet għall-artisti żgħażagħ, mużiċisti u professjonisti kreattivi biex jikkollaboraw, jiżviluppaw it-talenti tagħhom u jibnu konnessjoni bejniethom.


“L-Ewropa u r-Renju Unit jaqsmu bejniethom ferm aktar milli interessi ekonomiċi biss. Naqsmu bejnietna ġenerazzjonijiet ta’ ħbiberiji, konnessjonijiet kulturali, kooperazzjoni akkademika u talent kreattiv. Irridu nagħtu l-libertà liż-żgħażagħ biex inkomplu nibnu fuq din l-istorja komuni, u mhux biex nitfgħu prezz fuq l-ambizzjonijiet tagħhom,” żied jgħid Bajada.

“Ir-relazzjoni mar-Renju Unit trid tkun mibnija fit-tul, għal kulħadd, u mhux għall-ftit magħżula. Iż-żgħażagħ għandhom ikollhom l-opportunità li jistudjaw, jaħdmu, joħolqu u jesperjenzaw il-ħajja minn fruntiera għal oħra, minħabba l-ambizzjonijiet tagħhom, u mhux minħabba l-ġid ta’ familthom. Il-kooperazzjoni ekonomika hija importanti, imma l-konnessjonijiet ġenwini bejn in-nies, iridu jibqgħu is-sinsla tar-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit,” ikkonkluda Bajada.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport