Il-Ministru għall-Akkomodazjoni u l-Artijiet Owen Bonnici żar ix-xogħlijiet li jinsabu għaddejjin fuq proġett ta’ bini ta’ units f’Ħaż Żebbuġ li jinsab fi Triq Luigi Fontana, fil-kantuniera ma’ Triq Serafin Tanti u Triq Ħal Sajd.
Il-proġett jinvolvi l-bini ta’ 55 unit residenzjali għall-familji vulnerabbli mifruxa fuq il-livell tal-pjan terran, l-ewwel, it-tieni u t-tielet sular. Il-proġett jinkludi wkoll 33 garaxx u 12-il spazju għall-parkeġġ fil-livell ta’ taħt l-art.
Waqt iż-żjara, il-Ministru Bonnici ġie aġġornat dwar il-progress tal-proġett u x-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa, li jirriflettu l-impenn kontinwu biex tissaħħaħ l- akkomodazzjoni soċjali f’pajjiżna.
“L-investiment fl-akkomodazzjoni huwa investiment dirett fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. Għalina, huwa importanti li nkomplu noħolqu aktar opportunitajiet biex familji li ġenwinament jeħtieġu l-għajnuna jsibu stabbiltà, serħan il-moħħ u post li jistgħu jsejħulu dar. Proġetti bħal dan huma parti minn ħidma konkreta biex ħadd ma jibqa’ lura,” qal il-Ministru Bonnici.
Bħalissa, ix-xogħlijiet qed jiffukaw fuq il-konsolidazzjoni u l-istabbilizzazzjoni tat-tħaffir, b’mod partikolari fil-parti li tmiss ma’ proprjetajiet ta’ terzi. Dan qed isir permezz tat-twaqqif ta’ pilastri (piles) u l-kostruzzjoni tar-raġġ strutturali ta’ fuqhom (capping beam), sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà taż-żona waqt il-fażijiet sussegwenti tal-proġett.
L-investiment f’dan il-proġett jammonta għal €6 miljuni, filwaqt li t-tlestija tiegħu hija mistennija għal Settembru tal-2028.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm, il-Kap Eżekuttiv tal-Housing Project Solutions Thomas Tanti u ċ-Chairman tal-Awtorità tad-Djar Robert Ducker.
