Dwar il-volontarjat, il-Ministru Farrugia qalet li minn studju xjentifiku li sar, jirriżulta li l-volontarjat għadu b’saħħtu f’pajjiżna u l-aktar faxxa b’saħħitha li għandu l-volontarjat hi ż-żgħażagħ.
Hija fakkret li waħda mill-ewwel wegħdiet elettorali li wettaq dan il-Gvern, fl-ewwel 30 jum tiegħu, kienet dik li jirdoppja l-għotja finanzjarja għaż-żgħażagħ li jkunu jridu jagħmlu esperjenza ta’ volontarjat barra minn Malta.
B’hekk, l-għotja li qabel kienet ta’ €15 kuljum żdiedet għal €30 kuljum. Din is-sena diġà kien hemm l-ewwel 80 żagħżugħ u żagħżugħa li għamlu użu minn din l-iskema.
Hija qalet ukoll li l-Gvern se jżomm l-iskemi kollha li ġew introdotti fil-budgets preċedent sabiex ikompli jappoġġja lil dan is-settur.
Fil-qasam tal-inklużjoni, il-Ministru semmiet ukoll il-ħidma li għaddejja biex jissaħħaħ is-servizz tal-klieb t’assistenza, b’mod partikolari permezz ta’ inizjattivi li għandhom iwasslu għall-introduzzjoni u t-tisħiħ tagħhom fl-iskejjel tagħna.
Fl-intervent tagħha, il-Ministru Farrugia faħħret ukoll il-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD). F’dan ir-rigward, hija semmiet il-ħidma kontra l-użu abbużiv tal-Blue Badges, fejn din is-sena sabu 32 Blue Badge falza u ttieħdu l-passi meħtieġa. Dan meta mqabbel mas-sena li għaddiet, meta ġew irreġistrati 62 każ, kważi d-doppju.
