Terremot b’qawwa ta’ 5.7 fuq l-iskala Richter laqat lir-reġjun ta’ Vrancea fir-Rumanija matul il-lejl li għadda, fejn t-theżżiżiet inħassu f’diversi bliet tal-pajjiż kif ukoll f’pajjiżi ġirien.
Skont l-Istitut Nazzjonali għar-Riċerka u l-Fiżika tad-Dinja fir-Rumanija, it-terremot seħħ għall-ħabta tas-2.48am tal-Erbgħa 18 ta’ Novembru, f’fond ta’ madwar 120.8 kilometru taħt wiċċ l-art.
L-epiċentru ġie rreġistrat madwar 48 kilometru fin-Nofsinhar ta’ Focșani, filwaqt li t-theżżiż inħassu b’mod partikolari fil-kapitali Bukarest kif ukoll fi bliet oħra fosthom Brașov, Buzău, Constanța, Brăila u Galați.
It-terremot inħass ukoll barra mill-fruntieri tar-Rumanija, fosthom fil-Moldova, fl-Ukrajna u fil-Bulgarija. F’diversi lokalitajiet fl-Ukrajna, ir-residenti rrappurtaw li ħassew il-bini jitriegħed waqt li kienu reqdin.
Intant, l-awtoritajiet tal-emerġenza fir-Rumanija kkonfermaw li diversi persuni kellhom bżonn assistenza medika wara t-terremot. F’Galați, sitt persuni ddaħħlu l-isptar, fosthom persuni li sofrew minn attakki ta’ paniku u persuna li ġarrbet ġrieħi f’rasha. F’Buzău ġew irrappurtati wkoll żewġ persuni milquta mill-konsegwenzi tat-terremot.
Minkejja l-qawwa tat-terremot, l-ispezzjonijiet li saru mill-awtoritajiet f’diversi żoni ma identifikaw l-ebda ħsarat kbar.
Ir-reġjun ta’ Vrancea huwa magħruf bħala waħda mill-aktar żoni sismiċi attivi fl-Ewropa. Minħabba l-fond konsiderevoli li fih iseħħu t-terremoti f’din iż-żona, t-theżżiż jistgħu jinħassu fuq distanza kbira, anke f’pajjiżi li jinsabu mijiet ta’ kilometri ‘l bogħod.




