Friday, August 12, 2022

Għawm Mondjali: Il-Brażiljana Cunha tirbaħ it-tieni midalja tad-deheb

Aqra wkoll

Fl-aħħar ġurnata tal-għawm fl-ilma miftuħ li huwa parti mill-Kampjonati tad-Dinja tal-Għawm li qed isiru fl-Ungerija, l-unuri marru għand it-Taljan, Dario Verani, u l-Brażiljana, Ana Marcela Cunha, li rebħu t-tellieqa tal-25km tal-irġiel u tan-nisa.

Għal Cunha din kienet it-tieni midalja tad-deheb wara li aktar qabel kienet rebħet il-5km waqt li rebħet midalja tal-bronż fl-10km.

B’hekk hija għamlet bħall-Ġermaniż, Florian Wellbrock, li anke hu rebaħ tnejn tad-deheb u waħda tal-bronż għalkemm Cunha kienet fuq il-podju tat-tliet tlielaq tan-nisa.

Il-25km tal-irġiel rat lil Verani jispiċċa l-ewwel f’5:02:21.5 sigħat biex ħa l-midalja tad-deheb waqt li l-Franċiż Axel Reymond ħa l-fidda meta spiċċa f’5:02.22.7 u l-Ungeriż  Peter Galicz daħal fit-tielet post f’5:02:35.4 biex ta t-tieni midalja lil pajjiżu wara li kienu rebħu l-fidda fil-Mixed Teams.

It-tellieqa femminili ma setax ikollha tmiem iktar drammatiku minn kif seħħet b’Cunha toħroġ rebbieħa f’5:24:15.0 sigħat li huwa 0.2 ta’ sekonda aħjar mill-Ġermaniża Lea Boy li l-ħin tagħha kien ta’ 5:24:15.2.

Anke l-Olandiża Sharon van Rouwendaal għamlithom żewġ midalji meta bil-bronż li kisbet fil-ħin ta’ 5:24:15.3 tat it-tieni midalja lil pajjiżha.

Fil-lista finali tal-midalji huma l-Italja li spiċċaw fil-quċċata meta rebħu tnejn tad-deheb, tnejn tal- fidda u tnejn tal-bronż.

Warajhom jiġu l-Ġermanja bi 2, 2 u 1, il-Brażil bi 2, 0 u 1, l-Olanda b’1, 0 u 1, Franza b’0, 2 u 0, l-Ungerija b’0, 1 u 1 waqt lil-Ukrajna ħaddu 0, 0 u 1.

Mill-għawwiema huma Wallbrock u Cunha li rebħu tnejn tad-deheb u waħda tal-bronż. It-Taljan Gregorio Paltrinieri spiċċa b’waħda minn kull kulur, Van Rouwendaal rebħet waħda deheb u waħda bronż, il-Ġermaniżi Lea Boy u Leonie Beck, waħda deheb u oħra fidda kull wieħed bit-Taljani, Domenico Acerenza waħda fidda u oħra bronż u Giu­lia Gabrielleschi, tnejn tal-bronż.

Ekonomija
Delicious

Sport