Wednesday, March 27, 2024

Wimbledon: Il-kbar ikomplu għaddejjin

Aqra wkoll

Fit-tielet tournament tal-istaġun tat-tennis li qed isir f’Wimbledon, kienu Stefanos Tsitsipas, Carlos Alcaraz min-naħa tal-irġiel u Petra Kvitova u Iga Swiatek min-naħa tan-nisa li għaddew għat-tielet round iżda l-Ispanjol Rafael Nadal ġie mwaqqaf fir-raba’ set kontra Rikardas Berankis minħabba x-xita li għamlet għall-ħabta tas-7.00 pm. 

Iż-żagħżugħ sensazzjonali Spanjol, Carlos Alcaraz, kompla għaddej fit-triq it-tajba meta warrab l-isfida tal-Olandiż, Tallon Griekspoor, bil- punteġġ ta’ 6-4 7-6 (7-0) 6-3.

Mil-logħob li qed juri m’għandux jonqos li jkun wieħed mill-players maħbubin mill-ispettaturi kif qed ikun il-każ f’Wimbledon.

Il-kontroversjali Nick Krygios, qal li “ried biss ifakkar lil kulħadd” li hu “pjuttost tajjeb” wara li laħaq it-tielet round b’rebħa dominanti ta’ sets dritti fuq Filip Krajinovic.

L-Awstraljan ta’ 27 sena ammetta li beżaq fid-direzzjoni ta’ spetta­tur “dirispettiv” fi tmiem rebħa ta’ ħames sets mimlija inċidenti fuq il-Brittaniku Paul Jubb fl-ewwel round. Huwa pproduċa wirja klini­ka mar-ritorn tiegħu għall-azzjoni f’rebħa ta’ 6-2 6-3 6-1.

Fit-tielet round Kyrgios jmissu jilgħab kontra l-Grieg, Stefanos Tsitsipas, bis-seed numru 4 ikompli għaddej meta għeleb lill-Awstraljan, Jordan Thompson, fi tliet sets ukoll, 6-2 6-3 7-5.

Iċ-champion darbtejn, il-Britta­niku Andy Murray sofra l-ew­wel ħruġ minn Wimbledon hekk kif tilef f’erba’ sets kontra l-Amerikan John Isner fit-tieni round.

L-eks numru wieħed tad-dinja ta’ 35 sena kiseb it-tielet set biex żamm it-tamiet tiegħu ħajjin iżda safa’ megħlub 6-4 7-6 (7-4) 6-7 (3-7) 6-4 kontra s-seed numru 20.

Isner, kwarti-finalista fl-2018, faj­jar 36 aces fi triqtu lejn rebħa impressjonanti fuq is-Center Court. L-avversarju li jmiss għal Isner huwa l-10 seed, it-Taljan ta’ 20 sena, Jannik Sinner.

Murray qatt qabel ma naqas milli jilħaq it-tielet round f’SW19, fi 13-il tentattiv preċedenti.

Il-wildcard Britanniku, Liam Broady, kiseb rebħa prestiġġjuża meta elimina lill-Arġentin, Diego Schwartzmann 6-2 4-6 0-6 7-6 (8-6) 6-1.

Iċ-champion darbtejn f’Wimbledon, Petra Kvitova, irkuprat minn perjodu mħawwad biex stabbiliet konfront fit-tielet round mar-raba’ seed, Paula Badosa.

Iċ-Ċeka kienet rebħet 10 mill-ewwel 12-il logħba u kienet qed tirbaħ 5-1 fit-tieni set qabel ma r-Rumena, Ana Bogdan, rebħet ħames logħbiet konsekuttivi.

Eventwalment Kvitova daħħlet is-set f’tie-break, u kompliet rebħet il-logħba 6-1 7-6 (7-5). Intant, l-Ispanjola Badosa għelbet lil Rumena oħra, Irina Bara, 6-3 6-2.

Kvitova, 32 sena, hija waħda minn tliet eks champions li fadal fil-polza tas-singles tan-nisa flim­kien maċ-champion tal-2019 Simona Halep u r-rebbieħa tal-2018 Angelique Kerber. Halep kisbet rebħa f’żewġ sets meta għelbet lill-Belġjana Kirsten Flipkens, 7-5 6-4.

Il-player numru wieħed tad-dinja, Iga Swiatek, tawlet is-sensiela ta’ rebħiet għal 37, wara li għelbet lill-Olandiża, Lesley Pattinama Kerkhove, 6-4 4-6 6-3. B’hekk hija tinsab fit-triq it-tajba li tirbaħ it-tielet titlu tal-Grand Slam tagħha.

Il-Britanniċi, Katie Boulter u Heather Watson komplew għaddejjin meta tal-ewwel wettqet sorpriża meta għelbet lill-finalista tas-sena l-oħra, Karolina Pliskova, minkejja li tilfet l-ewwel set. Hija rebħet 3-6 7-6 (7-4) 6-4 u wara l-logħba kienet emozzjonali meta żvelat li jumejn ilu tilfet lin-nanna tagħha tant li ddedikat ir-rebħa għaliha.

Watson kisbet rebħa f’żewġ sets meta għelbet li-Ċiniża, Wang Qiand 7-5 6-4 waqt li Britannika oħra, Harriet Dart, tilfet 4-6  6-3 6-1 kontra l-Amerikana Jessica Pegula minkejja li rebħet l-ewwel set.

Ekonomija

Sport