Monday, April 29, 2024

Għaxar bidliet prinċipali fil-Fuel Stations Policy; Restrizzjonijiet kbar fuq l-ODZ

Aqra wkoll

Wara proċess ta’ konsultazzjoni ma’ diversi stakeholders u ma’ esperti, u wara li ttieħdu in kunsiderazzjoni diversi fatturi ekonomiċi, soċjali, u ambjentali, il-Ministru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia ħabbar ir-reviżjoni fil-Fuel Stations Policy.

Dan id-dokument politiku ġdid li ġie preparat tul l-aħħar xhur mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) u mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), jindirizza numru ta’ punti ta’ tħassib u jinkludi numru konsiderevoli ta’ tibdil.

Dawn l-għaxar bidliet prinċipali jinkludu:

  1. Limitu massimu fuq l-ammont ta’ pompi tal-fjuwil f’Malta u f’Għawdex.
  2. Pompi tal-fjuwil eżistenti biss jistgħu jiġu kkunsidrati għar-rilokazzjoni.
  3. Kwalunke pompa tal-fjuwil eżistenti trid tkun qed toħloq impatt negattiv fuq l-ambjent mibni biex din tiġi kkunsidrata għar-rilokazzjoni.
  4. Estensjonijiet ta’ pompi tal-fjuwil eżistenti, li huma parzjalment jew kollha kemm huma fuq art barra miż-żona ta’ żvilupp,mhux se jiġu aċċettati.
  5. Siti ’l barra miż-żona ta’ żvilupp (ODZ) relatati ma’ agrikoltura, u siti iżolati jew sporadiċi mhux se jiġu kkunsidrati anke jekk għandom permessi maħruġa u artijiet kommessi qabel l-1967. 
  6.  Id-daqs massimu ta’ pompa tal-fjuwil tnaqqas minn 3,000m² għal 1,000m², inklużi faċilitajiet anċillari. 
  7. L-għoli ta’ pompi tal-fjuwil ma jistax jaqbeż is-seba’ metri.
  8. Siti fl-ODZ viċin SMEs, u Areas of Containment mhux se jkunu aċċettati għall-pompi tal-fjuwil. Siti li huma Open Storage Areas mhux se jkunu kkunsidrati. 
  9. Qed jerġa’ jiġi introdott buffer zone bejn pompi tal-fjuwil ġodda u binjiet meqjusa vulnerabbli. Mhux se jkun aċċettabbli li tinbena pompa tal-fjuwil f’distanza inqas minn 500 metru minn pompa oħra eżistenti.
  10. Il-politika l-ġdida se tapplika wkoll għal kull applikazzjoni pendenti għall-bini ta’ pompa tal-fjuwil.

Il-ministru qal li l-gvern qed ipoġġi l-pedamenti għal viżjoni ta’ ppjanar intelliġenti għal pajjiżna, f’bilanċ bejn kunsiderazzjonijiet ambjentali u dawk ta’ ppjanar.  “Il-politika riveduta tpoġġi limitu massimu għan-numru ta’ pompi tal-fjuwil li jista’ jkollu pajjiżna. Apparti minn hekk, qed nintroduċu numru ta’ limitazzjonijiet għar-rilokazzjoni. Din ir-riforma tħares kemm il-ġid tal-komunitajiet residenzjali, kif ukoll tipproteġi l-ambjent. Għadda wisq żmien minn meta bdiet id-diskussjoni dwar il-bidla fuq din il-policy, sodisfatt li llum għandna dan ir-riżultat. Żmien però li xtaqt li ntuża għal diskussjoni dwar it-tnaqqis ta’ vetturi jaħdmu bil-fjuwil f’pajjiżna. Inħares ’il quddiem għal diskussjoni profonda fiż-żmien li ġej”, qal il-Ministru Farrugia.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill tal-Awtorità tal-Ippjanar Martin Saliba qal li l-PA tinsab kunfidenti li permezz tal-Fuel Stations Policy il-ġdida se jkun qed jinsab bilanċ tajjeb. “Inħossu li din il-politika se tkun qed tillimita t-teħid ta’ art għall-bini ta’ pompi tal-fjuwil fil-futur, fejn se tippermetti l-bini biss f’każi ġenwini u f’każi fejn il-post fejn dawn il-pompi tal-fjuwil jinsabu fil-preżent ikun qed joffri tħassib għas-saħħa u għas-sigurtà tan-nies”.

L-Aġent Kap Eżekuttiv tal-ERA Michelle Piccinino qalet li l-ERA kellha sehem importanti fit-tfassil ta’ din il-politika, b’diversi bidliet li pproponiet jiġu inkorporati fl-aħħar abbozz. Għalhekk illum għandna politika rigward il-pompi tal-fjuwil li filwaqt li tħalli rilokazzjoni minn siti li fihom infushom huma problematiċi,  hemm is-salvagwardji neċessarji għal siti li jinsabu ’l barra miż-żona ta’ żvilupp.

Sport