Tuesday, April 30, 2024

“Għażilna t-triq tal-investiment u tal-progress”

- Il-Prim Ministru Robert Abela fil-messaġġ tal-Ewwel tas-Sena

Aqra wkoll

“Għażilna t-triq tal-investiment u tal-progress, mhux tal-qtigħ il-qalb u l-awsterità. Saħansitra wasalna għal qbil bejn l-imsieħba soċjali kollha biex ikollna l-ikbar żieda fil-Paga Minima Nazzjonali fl-istorja.”

Hekk stqarr il-Prim Ministru Robert Abela fil-messaġġ tal-Ewwel tas-Sena li ġie mxandar fuq l-Istazzjoni Nazzjonali kif ukoll fuq l-istazzjoni tal-Partit Laburista ONE.

Waqt dan id-diskors Dr Abela elenka d-diversi kisbiet li saru matul is-sena 2023 filwaqt li fakkar il-viżjoni tal-Gvern lejn fejn iridu jieħu l-pajjiż.

Sostna li se nibdew sena ġdida fejn minkejja l-isfidi ta’ madwarna, nistgħu nħarsu lejha b’ottimiżmu. Pajjiżna se jibqa’ miexi ’l quddiem. “Flimkien se nkomplu naħdmu biex nilħqu l-aspirazzjonijiet tan-nies għal kwalità ta’ ħajja aħjar,” stqarr il-Prim Ministru.

Irrefera wkoll għas-sitwazzjoni internazzjonali dwar il-prezzijiet tal-enerġija. Il-kelliem qal li f’ċirkostanzi internazzjonali partikolari, bqajna u se nibqgħu nipprovdu stabbiltà, ċertezza u s-serħan il-moħħ. Madwarna l-ekonomiji staġnaw, tort l-inflazzjoni qawwija li laqtithom u l-miżuri ta’ awsterità li ttieħdu. Mal-għawġ ekonomiku, żdied ukoll in-niket illi naraw tant ħajjiet jinħasdu u l-ħajja ta’ tant familji titħarbat. Dan ma kienx dak illi konna qed nittamaw waqt li konna għaddejjin mill-pandemija. Minkejja dan kollu, mhux biss ma qtajniex qalbna, imma erġajna qomna għall-okkażjoni.”

Meta kien qiegħed jitkellem dwar il-politika interazzjonali qal li pajjiżna hu stat newtrali u kburi. Iżda sostna li dak ma jfissirx li nkunu indifferenti quddiem it-tbatijiet. In-newtralità attiva tagħna qed inħaddmuha bħala għodda b’saħħitha favur il-paċi u kontra l-aggressjoni. Ersaqna ’l quddiem bħala promoturi tad-djalogu u tas-sewwa fil-fora kollha internazzjonali li konna fihom.

“Għamilt dan bħala Prim Ministru ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u bħala missier, bil-valuri kollha li nħaddan għall-familja tiegħi. F’isimkom, tkellimt dwar il-paċi kull fejn kont. Għax aħna poplu li huwa kontra l-gwerer, jagħmilhom min jagħmilhom. Il-pożizzjoni konsistenti ta’ pajjiżna ġiet apprezzata. Dan wassal biex Malta ġiet fdata għal darba wara oħra fix-xena internazzjonali. Ġejna fdati bi rwoli importanti u mill-bidu tas-sena d-dieħla se nassumu oħrajn. Ġew fostna l-ikbar potenzi tad-dinja jiddjalogaw għax ħassew li aħna l-art tal-sliem,” qal il-Prim Ministru waqt il-messaġġ tal-Ewwel tas-Sena.

Stqarr li pajjiżna laqa’ lill-Mexxejja tal-pajjiżi Ewro-Mediterranji biex flimkien tfassalu pożizzjonijiet komuni fl-interess tar-reġjun u taċ-ċittadini

Tenna li l-Gvern li jmexxu hu jemmen fin-nies u għalhekk jemmen fil-paċi, jemmen li m’għandux ikun hemm awsterità. Sostna li “għalhekk bqajna wara l-familji u n-negozji ħalli ma jintlaqtux mill-impatt li l-gwerer ġabu fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija. Malta baqgħet l-uniku pajjiż fl-Ewropa li ma żied ebda minn dawn il-piżijiet fuq in-nies.”

Ma setax ma jirreferix għal inflazzjoni fejn hawn il-Prim Ministru ħabbar li fil-jiem li ġejjin, jidħlu fis-seħħ aktar miżuri illi diġà ħabbarna u se nibqgħu naħdmu mal-istakeholders kollha biex ikollna suċċess akbar fil-ġlieda kontra l-għoli tal-ħajja.

Tkellem ukoll dwar l-isports fejn il-Prim Ministru qal li “s-suċċessi li ksibna fis-sena li għaddiet u l-avvenimenti bħar-rebħ u l-organizzazzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar u l-EuroPride kienu mumenti ta’ kburija nazzjonali. Dawn se nżommuhom bħala s-sors ta’ ispirazzjoni biex dejjem inwettqu aktar.”

Qal li dawk iċ-ċirkostanzi fejn stajna ħdimna differenti jew fejn stajna fhimna aktar il-prijoritajiet tan-nies, se jservuna ta’ tagħlima.

Fil-messaġġ tiegħu l-Prim Ministru Abela qal ukoll li l-l-edukazzjoni, fis-saħħa u fis-sigurtà se jibqgħu fuq quddiem nett. Qal li f’dawn l-oċsma sar investiment kbir u l-Gvern lest li jibqa’ jinvesti b’mod sod u sostenibbli, mhux l-inqas fil-ħaddiema.

Irrefera wkoll għas-settur tal-kostruzzjoni fejn hawn il-Prim Ministru qal li “żrajna ż-żerriegħa ta’ riformi importanti bħal fatt illi għall-ewwel darba f’pajjiżna daħħalna l-liċenzja għal min jaħdem fis-settur tal-kostruzzjoni.”

Dwar l-ambjent Dr Abela sostna li hem bżonn li nsaħħu dak li jagħmel tant bieħ il-komunitajiet tagħna, u fl-istess ħin inkomplu l-bidliet li hemm bżonn biex inwettqu l-qalba ambjentali u ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Ma setax ma jirreferix għad-deċiżjoni dwar Ħondoq ir-Rummien fejn qal li ttieħded l-iktar deċiżjonijiet biex inħarsu l-ambjent, fosthom din il-bajja f’Għawdex. Tenna li fis-sena li ġejja dan l-impenn irid ikompli jikber.

Dr Abela sostna li r-riformi jridu jintensifikaw u l-bidla tkompli. Tenna li mhux l-inqas biex nallokaw aktar artijiet li setgħu jiġu żviluppati, biex minflok jinbidlu fi spazji ħodor u miftuħa.

Waqt il-messaġġ tiegħu l-Prim Ministru qal li fis-sena l-ġdida se jsiru għażliet impoirtanti ħafna. Kien hawn li semma li matul l-2024 se jsiru l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u anke l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Stqarr li m’hemmx dubju li huma għażliet illi rridu nagħmluhom f’rispett lejn xulxin u li għandhom ikunu ispirati mill-imħabba lejn il-komunitajiet tagħna u lejn pajjiżna. L-istedina tiegħi lill-poplu Għawdxi u Malti hi mhux biss biex f’dawn il-proċessi demokratiċi jersaq ’il quddiem, iżda jersaq ’il quddiem ta’ kuljum bl-ideat u l-ħsibijiet tiegħu dwar pajjiżna,” kompla jgħid Dr Abela.

Dr Abela fakkar li matul l-2023 inħoloq l-Youth Advisory Forum li se jkun punt ta’ referenza ta’ leħen iż-żgħażagħ għall-Kabinett tal-Ministri.

Il-Prim Ministru Robert Abela temm il-messaġġ tiegħu billi sostna li “dan huwa pajjiżna u jitmexxa ’l quddiem skont ir-rieda tagħkom. U jien persważ li bħali tridu pajjiż li jibqa’ miexi ’l quddiem, għalikom u għall-familji u dawk li l-aktar tħobbu f’ħajjitkom. F’ismi, f’isem marti Lydia u bintna Giorgia Mae, nixtieq lilkom u lill-familji tagħkom sena hienja, mimlija risq, saħħa u paċi.”

Sport