“Nhar is-Sibt, il-poplu Għawdxi u Malti kellu għażla quddiemu. Għażla dwar il-futur li jixtieq li jkollu pajjiżna…”
Hekk qal il-Prim Ministru Robert Abela fl-ewwel indirizz lin-Nazzjon ftit tas-sigħat wara li mill-ġdid ħa l-ġurament biex imexxi l-Gvern ġdid.
Il-Prim Ministru qal li “b’determinazzjoni ċara, il-poplu ddeċieda li jrid jerġa’ jislef il-fiduċja tiegħu lili u lit-tim li jien immexxi din hija l-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna li moviment politiku ġie fdat għar-raba’ darba konsekuttiva b’mandat elettorali. Għażla għaldaqstant storika, f’mument importanti ħafna.”
Dr Abela fl-indirizz lin-Nazzjoni qal li bħalissa l-isfidi madwar pajjiżna qed ikomplu jiżdiedu… “aktar qed tissoda r-rieda tal-poplu tagħna biex ikollna kwalità ta’ ħajja aħjar f’Malta aqwa. Din kienet propju l-ispirazzjoni tal-manifest elettorali li ressaqna quddiem il-poplu. Manifest elettorali li issa sar il-programm ta’ ħidma tagħna bħala Gvern.”
Kompla jgħid li l-programm tal-ħidma tal-Gvern hu wieħed komprensiv biex ikun maċ-ċittadini f’kull pass tal-ħajja.
“Ħajja li rridu nagħmluha eħfef, isbaħ u aħjar. Fl-aħħar snin, pajjiżna għamel qabża ekonomika bla preċedent. Is-saħħa ekonomika tagħna qed tippermettilna nkunu ta’ tarka għall-poplu tagħna,” iddikjara l-Prim Ministru Robert Abela.
Fl-indirizz tiegħu lin-Nazzjoni l-Prim Ministru qal li “se nibqgħu ffukati biex inkomplu nagħtu ċ-ċertezza, l-istabbiltà u s-serħan il-moħħ ħalli nipproteġu lilkom il-familji, il-qalb ta’ dan il-pajjiż. Fiż-żmien li ġej, irridu nżommu l-magna ekonomika ta’ pajjiżna għaddejja biex il-proposti li tajtuna mandat b’saħħtu fuqhom, nimplimentawhom u ntejbu l-wellbeing tiegħek u tal-għeżież tiegħek. Se nkomplu nwettqu l-bidliet u l-investiment meħtieġ ħalli din il-magna ekonomika tibqa’ tevolvi u tkompli tkun l-aqwa waħda fl-Ewropa.”
Tenna li hekk biss il-Gvern jista’ jwettaq il-programm ta’ investiment soċjali qawwi li ħaqqu l-poplu.
Irrefera wkoll għal pjani li għandu l-pajjiż fosthom dawk li hemm inkluż fil-Viżjoni Malta 2050.
Semma fost l-oħrajn ir-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, il-pjan Malta in Motion, l-istrateġija għas-settur tal-enerġija, l-investment qawwi fis-sistema tas-saħħa pubblika u anke Għawdex gżira ta’ villaġġi.
“Programm ambizzjuż, li t-tim tiegħi u jien se nkunu kapaċi nwettqu flimkien, biex ilkoll niktbu l-kapitlu li jmiss ta’ Malta li tant inħobbu.
“U se nibqgħu pajjiż ta’ suċċess jekk nibqgħu magħqudin u jekk nibqgħu nemmnu f’Malta. Jien nemmen fikom għax intom Malta. Il-ħolma tagħkom hija l-proġett tagħna,” temm jgħid Dr Robert Abela fl-ewwel indirizz tiegħu lin-Nazzjon minn wara li reġa’ ngħata l-ġurament ta’ Prim Ministru.


